
Charles Darwin twieled Shrewsbury, fi Shropshire, l-Ingilterra, fid-dar tal-familja, magħrufa bħala "Mount House".[8] Kien il-ħames mis-sitt ulied tat-tabib u finanzier tat-tajjeb, Robert Darwin (1766-1848) u Susannah Darwin (imwielda Wedgwood) (1765-1817). Kien in-neputi ta' Erasmus Darwin (1731-1802) fuq in-naħa ta' missieru u ta' Josiah Wedgwood (1730-1795), fuq in-naħa ta' ommu. Iż-żewġ familji kienu jħaddnu r-reliġjon Unitarjana, għalkemm il-familja Wedgwood kienu adottaw l-Anglikaniżmu. Robert Darwin, minkejja li kien pjuttost ħassieb ħieles, aċċetta li ibnu Charles jiġi mgħammed fil-Knisja Anglikana. Madankollu, it-tfal ma' ommhom kienu jattendu l-Kappella Unitarjana. Il-predikatur ta' din kien ukoll l-għalliem tal-iskola fejn beda jmur Charles fl-1817. F'Lulju ta' dik is-sena, Susannah Darwin mietet, meta Charles kellu biss tmien snin. F'Settembru tal-1818, daħal l-iskola Anglikana tal-inħawi, Shrewsbury School, bħala student intern.[9]
Darwin qatta' s-sajf tal-1825 jgħin 'l missieru jieħu ħsieb il-fqar ta' Shropshire. Fil-ħarifa ta' dik is-sena, mar l-Università ta' Edinburgu, l-Iskozja, biex jistudja l-mediċina, iżda tant naffritu l-ħruxija tal-kirurġija li ttraskura l-istudji mediċi. John Edmonston, ilsir meħlus iswed, għallmu jibbalzma l-annimali u kien jirrakkontalu stejjer affaxxinanti dwar il-foresti tropikali tal-Amerika t'Isfel. Aktar tard, f'Nisel il-bniedem u l-għażla marbuta mas-sess, juża' din l-esperjenza biex jenfasizza li, minkejja d-differenzi superfiċjali fid-dehra, "il-Suwed u l-Ewropej" huma qrib ħafna ta' xulxin.[10]
Matul it-tieni sena, Charles Darwin issieħeb fis-Soċjetà Plinjana, grupp ta' studenti li kellhom interess kbir fl-istorja naturali.[11] Sar student ta' Robert Edmond Grant (1793-1874), li kien jappoġġja t-teorija tal-evoluzzjoni ta' Jean-Baptiste Lamarck (1744-1829), kif kien jagħmel ukoll missieru, Erasmus Darwin. Fuq ix-xtut tal-estwarju tax-xmara Forth, Charles ħa sehem fir-riċerka ta' Grant fuq iċ-ċikli tal-ħajja tal-annimali tal-baħar. Din ir-riċerka kienet dwar l-omoloġija, it-teorija li l-annimali kollha għandhom organi simili li jvarjaw biss fil-komplessità tagħhom, u dan jindika li għandhom antenati komuni.[12] F'Marzu tal-1827, Darwin għamel taħdita lil sħabu Plinjani dwar iskoperta li kien għamel: l-ispori suwed misjuba sikwit fil-qxur tal-gajdar huma l-bajd tas-sangisug.[13] Kien jattendi wkoll il-kors ta' Robert Jameson (1774-1854), fejn tgħallem l-istratigrafija ġeoloġika, il-klassifikazzjoni tal-pjanti u studja l-kollezzjoni għanja tal-Mużew tal-Università, li dak iż-żmien kienet waħda mill-aqwa tal-Ewropa.[14]
Fl-1827, missier Charles ra li ibnu ma kienx qiegħed jagħmel progress fl-istudju tal-mediċina u bagħtu Christ's College, Cambridge, biex jagħmel il-Baċellerat tal-Arti. Il-ħsieb kien li Charles jieħu diploma fit-teoloġija u jidħol qassis Anglikan.[15] Imma, Darwin kien jippreferi jqatta' ż-żmien jirkeb iż-żiemel u jmur għall-kaċċa milli jintefa' fuq l-istudji tiegħu.[16] Ma' kuġinuh William Darwin Fox (1805-1880), beda jinteressa ruħu fil-kollezzjoni tal-ħniefes (Coleoptera).[17] Fox laqqgħu mar-reverendu John Stevens Henslow (1795-1861), professur tal-botanika u espert fl-insetti. Darwin beda jattendi l-kors tal-istorja naturali mogħti minn Henslow u sar l-istudent preferit tiegħu. Darwin kien magħruf mill-professuri l-oħra bħala "dak li jkun ma' Henslow".[18][19] Meta l-eżamijiet qarbu, Darwin beda jikkonċentra fuq l-istudji tiegħu u ħa xi lezzjonijiet privati minn Henslow. Darwin kien partikolarment entużjasta fuq il-kitba ta' William Paley (1743-1805), li t-Teoloġija Naturali tiegħu (1802), inkludiet argumenti għad-disinn divin fin-natura.[20]
| "Biex tgħaddi mill-eżami tal-lawrja, kien meħtieġ ukoll li titgħallem l-Evidenzi tal-Kristjaneżmu ta' Paley u l-Filosofija Morali tiegħu. Dan sar b'attenzjoni kbira, u jien konvint li stajt nikteb l-Evidenzi sħiħ bla ebda żball, imma naturalment mhux bil-lingwa ċara ta' Paley. Il-loġika ta' dan il-ktieb, u inżid ngħid, tat-Teoloġija naturali tiegħu, tawni pjaċir daqs Ewklide. L-istudju bir-reqqa ta' dawn ix-xogħlijiet mingħajr ma nipprova nitgħallimhom bl-amment, kien l-unika parti tal-kors akkademiku li, kif ħassejt dak iż-żmien u kif għadni naħseb, kien għall-inqas ta' xi użu għall-edukazzjoni ta' moħħi. Ma kontx ninkwieta fuq il-premessi ta' Paley; għall-ewwel fdajthom, kont affaxxinat u konvint bil-katina twila ta' argumentazzjoni."[21] |
Hemm min jaħseb li l-entużjażmu ta' Darwin għall-addattamentiżmu reliġjuż ta' Paley, paradossalment, influwenzah aktar tard, fil-formolazzjoni tat-teorija tiegħu tas-selezzjoni naturali[22]. Fl-eżamijiet finali f'Jannar tal-1831, hu mar tajjeb fit-teoloġija, imma mhux daqshekk fil-letteratura klassika, il-matematika u l-fiżika, minkejja li ġie l-għaxar wieħed minn 178 student.[23]
Ir-regoli tal-Università lil Darwin rabtuh li jibqa' Cambridge sa Ġunju. Fuq il-parir ta' Henslow, ma għaġġilx biex jordna fil-knisja Anglikana u ispirat mill-vjaġġ ta' Alexander von Humboldt (1769-1859), organizza vjaġġ lejn il-gżira ta' Tenerif ma' xi wħud minn sħabu li kienu għadhom kif ħadu l-lawrja, biex jistudjaw l-istorja naturali taż-żona tropikali. Biex jitħejja aħjar, Darwin ħa l-kors tal-ġeoloġija tar-reverendu Adam Sedgwick (1785-1873) u matul is-sajf, ħa sehem fit-tfassil ta' mappa ġeoloġika fil-Galles.[24] Wara li qatta' ħmistax ma' studenti ħbiebu f'Barmouth, Darwin mar lura d-dar fejn sab tistennih ittra minn għand Henslow fejn irrakmandah bħala naturalista xieraq (allavolja t-taħriġ tiegħu ma kienx għadu komplut) għal pożizzjoni bla ħlas ma' Robert FitzRoy (1805-1865), il-kaptan tal-HMS Beagle, li kien ħa jitlaq erba' ġimgħat wara biex jagħmel il-kartografija tal-kosta tal-Amerika t'Isfel. Missieru għall-ewwel kien kontra dan il-vjaġġ ta' sentejn li kien iqisu bħala ħela ta' żmien, imma fl-aħħar, ħu l-mara, Josiah Wedgwood, ikkonvinċih u spiċċa biex iħalli 'l ibnu jieħu sehem fil-vjaġġ.[25]

Mill-ħames snin tal-ispedizzjoni tal-HMS Beagle, Darwin qatta' żewġ terzi tal-ħin fuq l-art. Iddeskriva għadd kbir ta' osservazzjonijiet ġeoloġiċi, ġabar ħafna organiżmi ħajjin u fossili, u metodikament ikkonserva l-kollezzjoni għanja ta' kampjuni li kien ġabar, ħafna minnhom ġodda għax-xjenza.[26] F'diversi okkażjonijiet matul il-vjaġġ bagħat Cambridge xi kampjuni flimkien ma' ittri dwar l-iskoperti tiegħu. Dan għen biex jistabbilixxi l-fama tiegħu bħala naturalista. In-noti dettaljati li wrew kemm kien kapaċi fit-teorija jiffurmaw il-bażi tax-xogħol tiegħu ta' wara. Fid-djarju tiegħu, li fil-bidu kien għall-familja biss u iktar tard ġie ippubblikat bit-titlu Il-vjaġġ tal-Beagle, ġabar fih l-osservazzjonijiet tiegħu, u pprovda informazzjoni soċjali, politika u antropoloġika fuq għadd kbir ta' nies, kemm kolonjali u kemm indiġeni, li kien iltaqa' magħhom.[27]
Qabel it-tluq, Robert FitzRoy[28] ta 'l Darwin l-ewwel volum tal-Prinċipji tal-Ġeoloġija ta' Charles Lyell (1797-1875) li spjega l-għamliet tal-art bl-akkumulazzjoni ta' proċessi gradwali matul perjodi twal ħafna ta' żmien. Fil-wasla tagħhom fil-gżira ta' Santiago fil-Kap Verde, Darwin osserva saff abjad fl-għoli f'irdum vulkaniku, saff magħmul minn frak tal-qroll u molluski maħruqin. Din l-osservazzjoni, li taqbel mal-prinċipju ta' Lyell dwar it-tlugħ u nżul bilmod tal-art, tat 'il Darwin prospettiva ġdida dwar l-istorja ġeoloġika tal-gżira u beda jaħseb biex jikteb ktieb dwar il-ġeoloġija.[29] Din l-iskoperta kienet segwita minn oħrajn iżjed importanti.[30] Innota li l-pjanuri tal-Patagonja huma magħmulin minn ċagħaq u arzell, bħal xtut li telgħu. Wara terremot fiċ-Ċili, innota saff ta' maskli 'l fuq mill-livell tal-baħar, li jindika li l-livell tal-art kien tela'. F'altitudni għolja fl-Andi, innota li xi fossili tas-siġar kienu żviluppaw fuq xtajtiet ramlija, qrib l-arzell tal-baħar. Fl-aħħarnett żvilluppa t-teżi li l-atolli tal-kroll iffurmaw fuq koni vulkaniċi huma u jegħrqu, u kkonfermaha meta l-Beagle għadda mill-gżejjer Kokos.[31]

Fl-Amerika t'Isfel, Darwin skopra fossili ta' mammiferi ġganti estinti midfuna fis-saffi ta' qxur tal-arzell, li wrew estinzjoni riċenti mingħajr l-ebda sinjal ta' diżastri jew bidla fil-klima. Għalkemm iddentifika korrettement wieħed minn dawn fossili bħala Megaterju (Megatherium) u għaraf frammenti tal-qoxra tal-armadillo lokali, kien tal-fehma li dawn il-fdalijiet kienu ġejjin minn speċi Ewropej jew Afrikani. Kien biss wara r-ritorn tiegħu, li Richard Owen (1804-1892) wera li dawn il-fdalijiet kienu fil-fatt qrib il-ħlejjaq li jgħixu fl-Amerika biss.[32]
It-tieni volum tax-xogħol ta' Charles Lyell ta argumenti kontra l-evoluzzjoniżmu u spjega l-firxa tal-ispeċi permezz tal-idea ta' "ċentri ta' ħolqien".[33][34] Darwin irċieva dan il-ktieb u qrah b'attenzjoni kbira, u minnu ħareġ ideat li jmorru iżjed 'l bogħod milli qatt kien immaġina Lyell.[35] Fl-Arġentina, induna li żewġ tipi ta' nagħma kienu jgħixu f'territorji separati imma li jirkbu parzjalment fuq xulxin. Fuq il-Gżejjer Galapagos, ġabar ħafna mimidi (Mimidae) u nnota li dawn jvarjaw skont liema gżira jkunu ġew minnha. Sema' wkoll li l-Ispanjoli li jgħixu f'dawn l-inħawi kienu jafu jgħidu minn fejn ġejjin il-fkieren mid-dehra tagħhom, imma kien ikkonkluda wkoll li kienu huma stess li daħħluhom fil-gżejjer.[36] Fl-Awstralja, l-ornitoriku (Ornithorhynchus anatinus) u l-kangaru-far (Aepyprymnus rufescens) rahom hekk strambi li għalih kienu qishom ix-xogħol ta' żewġ ħallieqa differenti.[37]
F'Cape Town, Darwin u FitzRoy iltaqgħu ma' John Herschel (1792-1871), li ftit qabel kien kiteb lil Lyell dwar is-suġġett tal-"misterju tal-misterji", in-nissel tal-ispeċi. Waqt li kien qiegħed jirranġa n-noti tiegħu matul il-vjaġġ lura, Darwin kiteb li s-suspetti li kellu dwar il-mimidi u l-fkieren kienu korretti, fatti bħal dawn idgħajfu l-istabbiltà tal-ispeċi imbagħad prudentament żied il-kelma jistgħu.[38] Kiteb aktar tard li fatti bħal dawn jidhru li jitfgħu xaqq ta' dawl fuq l-oriġini tal-ispeċi. [39]
Tlieta min-nies minn Tierra del Fuego li kienu ttieħdu fuq il-Beagle matul il-vjaġġ ta' qabel kienu abbord biex jirritornaw bħala missjunarji. Matul is-sentejn li qattgħu l-Ingilterra, suppost saru "ċivilizzati", imma għal Darwin mill-qrib kienu jidhru slavaġġ sfortunati u msejkna.[40]
Sena wara,[41] il-missjunarji li kienu tħallew l-art kienu abbandunaw il-missjoni tagħhom u Jemmy Button biss ġie jiltaqa' magħhom, kien mar lura għall-ħajja salvaġġa u qallhom li ma kellu l-ebda xewqa li jmur lura l-Ingilterra u li kien kuntent u sodisfatt.[42] Minħabba din l-esperjenza, Darwin beda jemmen li l-bniedem ma kienx daqstant imbiegħed mill-annimali, u d-differenza kienet prinċipalment minħabba d-differenzi fl-iżvilupp kulturali bejn iċ-ċiviltajiet aktar milli minħabba d-differenzi razzjali. Kien jobgħod il-jasar li kien ra f'postijiet oħra fl-Amerika t'Isfel, u kien jistmer l-effetti tal-kolonizzazzjoni Ewropea fuq l-aboriġni tal-Awstralja kif ukol fuq il-Maori ta' New Zealand".[43]
FitzRoy inħatar biex jikteb l-istorja uffiċjali tal-vjaġġ tal-Beagle; ftit qabel tmiem il-vjaġġ, qara' d-djarju ta' Darwin u talbu jirranġah u hekk sar it-tielet volum, iddedikat għall-istorja naturali.[44]

Waqt li Darwin kien għadu jivvjaġġa, Henslow stinka biex l-eks-student tiegħu isir magħruf min-naturalisti eminenti billi qassam eżempji ta' fossili u ktejjeb li kien fih l-ittri ta' Darwin dwar il-ġeoloġija.[45] Sa meta l-Beagle wasal lura fit-2 ta' Ottubru tal-1836, Darwin kien diġà sar famuż fost ix-xjenzati. Wara li mar id-dar fi Shrewsbury u ra l-familja tiegħu, telaq malajr lura Cambridge biex jara 'l Henslow li qallu li kien lest jieħu ħsieb il-kampjuni botaniċi hu stess u tah parir isib naturalisti kapaċi biex jiddeskrivu l-kollezzjonijiet u jagħmlu l-katalgu tagħhom. Missier Darwin sab fondi biżżejjed biex iħalli 'l ibnu jsir xjenzat finanzjarjament indipendenti u Darwin kien mimli entużjażmu meta dar l-istituzzjonijiet ta' Londra, fejn kien onorat kullimkien. Fittex esperti biex jiddeskrivu l-kollezzjonijiet tiegħu: iż-żooloġi kienu qegħdin lura ħafna fix-xogħol tagħhom u ċerti kampjuni kienu fil-periklu li sempliċement jintesew fil-ġenb.[46]
Kien b'kurżità kbira li Charles Lyell iltaqa' ma' Darwin għall-ewwel darba fid-29 ta' Ottubru, u ma tilifx żmien biex jippreżenta 'l Richard Owen (1804-1892), anatomiku li kellu jkollu futur kbir, li kellu għad-dispożizzjoni tiegħu l-faċilitajiet tal-Kulleġ Rjali tal-Kirurġija biex jistudja l-għadam fossilizzat li kien ġabar Darwin. Fost ir-riżultati mhux mistennija li sab Owen, kien hemm xi Megaterji ġganti, kranju ta' Toxodon, annimal li kien jixbah l-ippopotamu, xi rodituri estinti, kif ukoll frammenti tal-qoxra ta' armadilli enormi (Glyptodon) li għebu, kif Darwin kien ippropona mill-bidu nett[47][48]. Dawn il-ħlejjaq fossilizzati ma kellhomx x'jaqsmu mal-annimali Afrikani, imma kienu marbutin strettament mal-ispeċi li jgħixu l-Amerika t'Isfel[49][50].

F'nofs Diċembru, Darwin mar Cambridge biex jorganizza x-xogħol fuq il-kollezzjonijiet tiegħu u jerġa' jemenda d-djarju tiegħu.[51] Kiteb l-ewwel artiklu tiegħu li fih wera li l-massa kontinentali tal-Amerika t'Isfel kienet għaddiet minn tlugħ bil-mod il-mod, u appoġġat bil-qalb minn Lyell, qrah lis-Soċjetà Ġeoloġika ta' Londra fl-4 ta' Jannar tal-1837. L-istess jum offra lis-Soċjetà Żooloġika ta' Londra il-kampjuni ta' mammiferi u għasafar li kellu. L-ornitologu John Gould (1804-1881) ma damx ma ħabbar li l-għasafar tal-Galapagos li Darwin kien jemmen li huma taħlita ta' malvizzi, grosbeaks u sponsuni, kienu fil-fatt tliet speċi distinti ta' sponsuni. Fis-17 ta' Frar tal-1837, Darwin ġie elett għall-Kunsill tas-Soċjetà Rjali Ġeografika. Fl-indirizz presidenzjali tiegħu, Lyell ippreżenta s-sejbiet ta' Owen fuq il-fossili ta' Darwin, u enfasizza li l-kontinwità ġeografika tal-ispeċi ikkonfermat l-ideat attwalisti tiegħu.[3][52][53]
Fis-6 ta' Marzu tal-1837, Darwin mar joqgħod Londra biex ikun eqreb il-post tal-kariga ġdida tiegħu fis-Soċjetà Ġeografika. Hemm ingħaqad ma' ċirku vivaċi ta' xjenzati u għorrief bħal Charles Babbage (1791-1871), li kien jemmen li Alla kien ordna l-ħajja minn qabel skont ċerti liġijiet naturali mingħajr ma jkollu jagħmel ebda ħolqien mirakoluż ad hoc. Darwin kien joqgħod qrib ħuh Erasmus, ħassieb ħieles, li kien parti miċ-ċirku tal-"Whigs" u li l-ħabiba tal-qalb tiegħu, il-kittieba Harriet Martineau (1802-1876), kienet tippromwovi l-ideat ta' Thomas Malthus (1766-1834) li kienu l-bażi tar-riformi tal-Poor Laws irrakkmandati mill-Whigs. Dawn ir-riformi kellhom l-għan li jiskoraġġixxu l-fqar li jkollhom iżjed ulied milli jippermettulhom ir-riżorsi tagħhom. Il-kwistjoni ta' John Herschel (1792-1871) dwar l-oriġini tal-ispeċi kienet diskussa fil-wisgħa. Xi personalitajiet mill-komunità medika, fosthom Dr James Manby Gully (1808-1883) waslu biex jaqblu ma' Grant fl-ideat tiegħu tat-trasformazzjoni tal-ispeċi, iżda fl-għajnejn tax-xjenzati ħbieb ta' Darwin, ereżija daqshekk radikali kienet tista' tipperikola l-bażi divina tal-ordni soċjali diġà mhedda mir-reċessjoni u r-rewwixti.[54]
Gould, sadanittant, sab li l-għasafar mimi poliglotti (Mimus polyglottos) tal-Galapagos minn gżejjer differenti kienu speċi distinti u mhux biss varjetajiet, filwaqt li t-trogloditi (Troglodytinae) kienu speċi oħra ta' frinġillidji (Fringillidae). Darwin ma kienx niżżel eżatt mil-liema gżejjer kienu ġejjin dawn l-għasafar, imma sab l-informazzjoni fin-noti ta' membri oħra tal-ispedizzjoni fuq il-Beagle, fosthom FitzRoy, li kienu rreġistraw aktar bir-reqqa dak li kienu ġabru huma stess. Iż-żoologu Thomas Bell (1792-1880) wera li l-fkieren tal-Galapagos kienu indiġeni għall-gżejjer. Qabel nofs Marzu, Darwin kien konvint li wara li l-annimali jkunu waslu fil-gżejjer kienu b'xi mod jinbidlu biex jiffurmaw fuq id-diversi gżejjer speċi ġodda – beda jirrifletti fuq din it-trasformazzjoni u jinnota r-riżultati ta' ħsibijietu fil-"pitazz aħmar" li kien beda fuq il-"Beagle". F'nofs Lulju, beda l-pitazz sigriet tiegħu, il-"pitazz B" fuq din it-trasformazzjoni u, fil-paġna 36, kiteb "naħseb" 'il fuq mill-ewwel tħażżiza ta' siġra li turi l-evoluzzjoni.[55][56]
Fl-istess ħin li kien imħabbat bl-istudju tat-trasformiżmu, Darwin tgħabba b'xogħol ieħor. Waqt li kien għadu jemenda d-Djajru tiegħu, ħa f'idejh ir-reviżjoni u l-pubblikazzjoni tar-rapporti tal-esperti dwar il-kollezzjonijiet tiegħu u, bl-għajnuna ta' Henslow, kiseb l-għotja ta' 1000 lira sterlina biex jiffinanzja ż-Żooloġija tal-vjaġġ tal-HMS Beagle f'numru ta' volumi. Aċċetta skadenzi li kien impossibbli li jżommhom kemm għal dan ix-xogħol u kemm għal ktieb dwar il-Ġeoloġija tal-Amerika t'Isfel li fih appoġġja l-ideat ta' Lyell. Darwin spiċċa l-edizzjoni tad-Djajru tiegħu fl-20 ta' Ġunju tal-1837 hekk kif ir-Reġina Vittorja telgħet fuq it-tron, iżda kien baqgħalu jikkoreġi l-aħħar provi.[57]
Is-saħħa ta' Darwin sofriet minħabba x-xogħol żejjed li tgħabba bih. Fl-20 ta' Settembru tal-1837, ħass xi "palpitazzjonijiet tal-qalb". It-tabib tiegħu ordnalu xahar mistrieħ, u għalhekk mar Shrewsbury joqgħod f'Maer Hall mal-qraba tan-naħa ta' ommu, imma sabhom kurjużi wisq dwar l-istejjer fuq il-vjaġġi tiegħu biex ikun jista' jistrieħ. Il-kuġina tiegħu Emma Wedgwood, grazzjuża, intelliġenti u kolta, u disa' xhur ikbar minn Darwin, kienet tieħu ħsieb zijitha, li kienet marida. Zijuh Jos urieh post fejn xi rmied kien sparixxa taħt il-ħamrija u ssuġġerixxa li dan jista' jkun il-ħidma tal-ħniex. Din kienet l-oriġini ta' taħdita li Darwin ta lis-Soċjetà Ġeologika fl-1 ta' Novembru, fejn wera għall-ewwel darba is-sehem tal-ħniex fil-formazzjoni tal-ħamrija.[58][59]
William Whewell (1794-1866) ħajjar lil Darwin jaċċetta l-kariga ta' Segretarju tas-Soċjetà Ġeologika. Wara li fil-bidu rrifjuta din ir-responsabbiltà żejda, aċċetta l-post f'Marzu 1838.[60] Minkejja x-xogħol tal-kitba u l-editjar, għamel progress notevoli fuq it-trasformiżmu. Filwaqt li l-ideat tiegħu dwar l-evoluzzjoni żammhom sigrieti, kien jieħu kull opportunità li jintervista n-naturalisti ta' esperjenza u, b'mod informali, in-nies li kellhom tagħrif prattiku bħall-bdiewa u d-dilettanti tal-ħamiem.[61][62] Maż-żmien ir-riċerka tiegħu twessgħet u kien jistaqsi l-familja kollha, inklużi t-tfal, il-maġġurdom, il-ġirien, nies mill-kolonji u sħabu ta' abbord.[63] L-ispekulazzjoni inizzjali tiegħu inkludiet ir-razza umana u fit-28 ta' Marzu tal-1838, wara li osserva xadina fiż-żu, innota x-xebh kbir bejn l-imġiba tagħha u dik ta' tifel jew tifla.[64]
Dawn l-isforzi kollha fl-aħħar għamlu bih u, f'Ġunju, kellu jibqa' fis-sodda għal ftit jiem minħabba problemi tal-istonku, uġigħ ta' ras u sintomi kardijaċi.[65] Fil-bqija ta' ħajtu, kellu jieqaf bosta drabi minħabba uġigħ fl-istonku, rimettar, sħana kbira, palpitazzjonijiet, rogħda u uġigħ ieħor, speċjalment fil-mumenti ta' tensjoni, bħal meta kien ħa jattendi xi laqgħa jew jirrispondi għal xi polemika fuq it-teorija tiegħu. Il-kawża ta' din il-marda baqgħet ma nstabitx f'ħajtu, u l-kura għamlet ftit suċċess. Fiż-żmienna kien hemm xi suġġerimenti, fosthom il-marda ta' Chagas, li seta' ħa mill-gdim tal-insetti fl-Amerika t'Isfel, il-marda ta' Meniere, jew diversi mard psikoloġiku. Għadna ma nafux żgur.[66]

Fit-23 ta' Ġunju tal-838, waqaf ftit mill-ħidma tiegħu biex imur jagħmel xi xogħol ġeoloġiku fl-Iskozja. Żar Glen Roy biex hemmhekk jara t-"toroq" paralleli maqtugħin fil-ġenb tal-għoljiet. Hu kien jaħseb li dawn fil-qedem kienu xtut tal-baħar li telgħu imma Louis Agassiz (1807-1873) aktar tard (1840) wera li dawn qabel kienu l-ġnub ta' lagi glaċjali.[67][68][69]
F'Lulju Darwin kien mistrieħ għal kollox u reġa' mar Shrewsbury. Kellu d-drawwa li jieħu n-noti l-ħin kollu fuq ir-riproduzzjoni tal-annimali u jħażżeż il-ħsibijiet dwar il-karriera u l-proġetti tiegħu kif jiġuh f'rasu fuq żewġ biċċiet karti żgħar. Waħda minn dawn kien fiha żewġ kolonni bit-titlu "Niżżewweġ" u "Ma niżżewwiġx". Il-vantaġġi jinkludu: "sieħba fidila u ħabiba fix-xjuħija ... aħjar minn kelb f'kull każ" u l-punti opposti bħal "inqas flus għal kotba" u "telf terribbli ta' żmien".[70] Meta ddeċieda favur iż-żwieġ, iddiskutih ma' missieru, u mbagħad żar lil Emma fid-29 ta' Lulju tal-1838. Ma kellux żmien jagħmel il-proposta taż-żwieġ, għax kontra l-parir ta' missieru, qagħad jitkellem fuq l-ideat tiegħu dwar it-trasformiżmu.[71]
Filwaqt li kompla r-riċerki tiegħu f'Londra, Darwin qara, bħala distrazzjoni, is-sitt edizzjoni ta' "Saġġ dwar il-Prinċipju tal-Popolazzjoni" ta' Thomas Malthus; dan ikkalkula li minħabba r-rata tat-twelid, il-popolazzjoni umana setgħet tirdoppja kull 25 sena, imma fil-prattika, din iż-żieda titrażżan mill-mewt, mard, gwerer u ġuħ[72][73][74][75] Darwin mill-ewwel ra li dan japplika wkoll għal "kunflitt bejn l-ispeċi", kif kien innota fil-każ tal-pjanti, Augustin Pyramus de Candolle (1778-1841), u għall-ġlieda għall-ħajja fost annimali salvaġġi. Ra wkoll li din kienet ir-raġuni għala l-għadd ta' speċi baqa' relattivament stabbli. Billi l-ispeċi dejjem jirriproduċu iktar milli hemm riżorsi għalihom, varjazzjonijiet favorevoli jagħmlu 'l dawk l-organiżmi li jkunu fihom aktar probabbli li jgħixu u jittrasmettu dawn il-bidliet lil uliedhom, filwaqt li l-varjazzjonijiet mhux favorevoli jispiċċaw biex jisparixxu. Minn hemm tiġi l-formazzjoni tal-ispeċi ġodda.[76][77][78][79] Fit-28 ta' Settembru tal-1838,[80] innota din l-ispjegazzjoni ġdida tal-kwistjoni u ddeskriviha bħala xorta ta' post, fejn jiġu ntrodotti strutturi iżjed addattati fl-ispazji tal-ekonomija naturali filwaqt li l-istrutturi iżjed dgħajfin jintremew. Issa kellu ipoteżi li seta' jaħdem fuqha.
Fix-xhur ta' wara, qabbel il-bdiewa li jagħżlu l-aħjar bhejjem għat-trobbija man-Natura Malthusjana li tagħżel fost il-varjanti maħluqa "każwalment", b'mod li "kull element ta' [kull] struttura akkwistata riċentament jiġi implimentat bis-sħiħ u pperfezzjonat". Ra f'din l-analoġija "l-isbaħ parti tat-teorija [tiegħu]".[81]
Fil-11 Novembru mar lura Maer u għamel il-proposta tiegħu lil Emma, waqt li reġa' spjegalha l-ideat tiegħu. Hi aċċettat u wara, fil-korrispondenza miegħu, uriet kemm kienet apprezzat il-frankezza tiegħu, iżda minħabba t-trobbija devota ħafna tagħha fil-knisja Anglikana, qaltlu bil-biża' tagħha li dawn l-ereżiji kontra l-fidi jistgħu jipperikolaw it-tama tagħha li terġa' tiltaqa' miegħu fil-ħajja ta' dejjem. Waqt li kien qed ifittex dar f'Londra fejn jistgħu joqogħdu, hu reġa' marad u Emma kitbitlu biex tħeġġu jieħu ftit tal-mistrieħ: "Terġax timrad, għażiż Charlie, qabel ma nkun nista' niġi ħdejk biex nieħu ħsiebek".
F'Gower Street sab dar fejn jogħqodu li kienu jsejħulha d-"Dwejra tal-Makaw" (minħabba d-dekorazzjoni tgħajjat ta' ġewwa), imbagħad fil-Milied ġarr il-"mużew" tiegħu. It-tieġ kellu jsir fl-24 ta' Jannar tal-1839, imma l-familja Wedgwood ipposponewh. Fl-24, Darwin kellu l-unur li jiġi elett membru tar-Royal Society [82].
Fid-29 ta' Jannar tal-1839, Darwin u Emma Wedgwood iżżewġu f'Maer f'ċerimonja Anglikana irranġata biex togħġob l-Unitarjani. Wara telqu minnufih bil-ferrovija lejn id-dar ġdida tagħhom f'Londra.[83]
Darwin kien sab il-bażi tat-teorija tiegħu tas-selezzjoni naturali, imma kien jaf sewwa li kien baqagħlu ħafna xogħol x'jagħmel biex jagħmilha kredibbli f'għajnejn il-kollegi xjentifiċi tiegħu, li l-kritika tagħhom kienet feroċi. Fil-laqgħa tad-19 ta' Diċembru tal-1838, tas-Soċjetà Ġeoloġika li tagħha kien segretarju, kien ra 'l Owen u 'l Buckland jattakkaw ir-reputazzjoni tal-eks-għalliem tagħhom Robert Grant, dixxiplu ta' Jean-Baptiste Lamarck u ma jaħbu xejn mill-mibegħda tagħhom kontra l-evoluzzjoni.[84] Kompla x-xogħol fuq l-konklużjonijiet li kien wasal għalihom abbord il-"Beagle" u, fl-istess ħin ikkonsulta ir-rawwiema tal-annimali, għamel iżjed esperimenti fuq ix-xtieli, ipprova jsib xhieda li twieġeb l-oġġezzjonijiet kollha li stenna mill-waqt li titħabbar it-teorija tiegħu.[85]
Meta r-Rakkont[86] ta' FitzRoy ġie ppubblikat f'Mejju tal-1839, id-Djarju ta' Noti ta' Darwin (magħruf aktar bħala Il-vjaġġ tal-Beagle) li kien jagħmel it-tielet volum, tant kellu suċċess kbir li ġie stampat mill-ġdid fl-istess sena f'edizzjoni separata[87]

Fil-bidu tal-1842, Darwin bagħat lil Lyell ittra fejn spjegalu l-ideat tiegħu, u dan baqa' skantat meta ra li l-alleat tiegħu kien "qiegħed jiċħad li hemm bidu għal kull grupp ta' speċi". F'Mejju, il-ktieb ta' Darwin fuq is-sikek tal-qroll ġie ppubblikat wara aktar minn tliet snin xogħol.[88] F'Ġunju mbagħad kiteb "skizz qasir" tat-teorija tiegħu f'35 paġna.[89][90] Biex jaħrab l-ambjent ta' Londra, f'Novembru Darwin ħa l-familja toqgħod Down House, dar fil-kampanja. Fil-11 ta' Jannar tal-1844, Darwin kiteb lil ħabibu, il-botaniku Joseph Dalton Hooker (1817-1911), biex jispjega t-teorija tiegħu, u qallu li jħossu qisu qiegħed jistqarr li għamel "delitt tal-qtil", iżda Hooker serraħlu moħħu meta wieġeb li hu jaħseb li "jista' jkun li modifikazzjonijiet gradwali fl-ispeċi jsiru" u esprima interess fl-ispjegazzjoni ta' Darwin. Sa xi Lulju, Darwin kien kabbar "l-iskizz" tiegħu f' "test" ta' 230 paġna.[91][90] Il-biża' li kellu li l-ideat tiegħu jitwarrbu bħala tip ta' radikaliżmu Lamarckjan tqajmet għal darb'oħra mill-polemika li qamet f'Ottubru bil-pubblikazzjoni anonima intitolata Vestiġji tal-Istorja Naturali tal-Ħolqien[92] Dan il-ktieb, wieħed mill-aktar li nbigħu, saħħan l-interess tal-klassi tan-nofs fit-trasformiżmu u fetaħ it-triq lil Darwin. Dan ix-xogħol però kien ikkritikat bl-aħrax mix-xjenzati, u dan fakkar lil Darwin bil-ħtieġa li jwieġeb id-diffikultajiet kollha qabel jippublika t-teorija tiegħu. Darwin lesta t-tielet ktieb tiegħu tal-ġeoloġija[93] fl-1846 u beda minn Ottubru studju wiesa' fuq il-koċċli bl-għajnuna ta' Hooker. F'Jannar 1847, Hooker qara s-"saġġ" ta' Darwin u bagħatlu l-kummenti tiegħu, li kienu kritika kalma kif kellu bżonn Darwin, minkejja li Hooker reġa' fakkru li hu jirrifjuta l-idea ta' ħolqien kontinwu.[94][95][96].
Biex jipprova jfiq mill-marda kronika li kien ibagħti biha, fl-1848 Darwin mar Great Malvern, fejn hemm stazzjon termali. Il-kura ta' ftit xhur għamlitlu ħafna ġid u meta mar lura seta' jerġa' jibda jaħdem. Però, meta miet missieru fit-13 ta' Novembru, kien għadu tant dgħajjef li ma setax jattendi l-funeral.[97] Fl-1849, it-tifla għażiża tiegħu, Annie, mardet, u reġa' beda jibża' li l-marda tista' tkun ereditarja. Wara sensiela twila ta' kriżijiet, mietet f'April 1851, u Darwin tilef għal kollox il-fidi f'Alla li jridilna t-tajjeb.[98]
Fit-tmien snin li Darwin qatta' jaħdem fuq il-koċċli, irnexxielu jsib "omoloġiji" li jsaħħu t-teorija tiegħu billi juru li xi partijiet tal-ġisem kemm kemm mibdula jservu funzjonijiet differenti biex jiffaċċjaw kundizzjonijiet ġodda.[99] Fl-1853, kiseb il-Midalja Rjali tar-Royal Society, li stabbiliet ir-reputazzjoni tiegħu bħala bijologu.[100] Fl-1854, reġa' qabad ix-xogħol tiegħu fuq it-teorija tal-ispeċi u f'Novembru, induna li d-diverġenza fil-dixxendenti setgħet tiġi spjegata bil-fatt li dawn kienu adattataw rwieħhom "għal sitwazzjonijiet differenti fl-ekonomija tan-natura."[101]

Kmieni fl-1855, Darwin ipprova jsib jekk il-bajd u ż-żerriegħa jibqgħux tajbin wara vjaġġ fl-ilma baħar u b'hekk iferrxu l-ispeċi tagħhom billi jaqsmu l-oċeani.[102][103] [104]
| "Jekk xi ħadd mill-qarrejja tiegħek jista' jiksibli xi bajd tal-Lacerta agilis, inkun obbligat lejh ħafna. Il-gremxul hu mferrex fil-wisgħa, u nixtieq naċċerta jekk il-bajd tiegħu iżommx f'wiċċ l-ilma baħar, u, jekk iva, jekk iżommx il-vitalità tiegħu."[105]. |
Hooker kien dejjem iżjed xettiku dwar l-opinjonijiet tradizzjonali li l-ispeċi huma immutabbli, iżda l-ħabib żagħżugħ tagħhom Thomas Henry Huxley (1825-1895) kien jopponi bil-qawwa l-evoluzzjoni.
Lyell kien affaxxinat bl-ispekulazzjonijiet ta' Darwin mingħajr ma nduna sa fejn jaslu. Wara li qara artiklu ta' Alfred Russel Wallace (1823-1913) dwar l-Introduzzjoni tal-ispeċi sab similaritajiet mal-ideat ta' Darwin u tah parir jippubblika biex jistabbilixxi l-prijorità. Għalkemm Darwin f'dan ma ra l-ebda theddida, beda jikteb artiklu qasir. Biex iwieġeb xi mistoqsijiet diffiċli kellu jieqaf bosta drabi, u kabbar il-proġett tiegħu għal "ktieb sħiħ fuq l-ispeċi" bit-titlu "Is-Selezzjoni Naturali". Kompla r-riċerka tiegħu u kiseb informazzjoni u kampjuni minn naturalisti minn madwar id-dinja, fosthom Wallace li kien jaħdem f'Borneo. F'Diċembru tal-1857, Darwin irċieva ittra mingħand Wallace fejn staqsih jekk il-ktieb hux sejjer jeżamina n-nisel tal-bniedem. Darwin wieġeb li kien jixtieq jevita suġġett bħal dan, "hekk maħnuq bil-preġudizzji", u filwaqt li nkuraġġixxa 'l Wallace fit-teoriji tiegħu, żid jgħid "Jien immur iżjed 'il bogħod minnek".[106]
Darwin kien nofs triq fil-ktieb il-kbir tiegħu meta, fit-18 ta' Ġunju tal-1858, irċieva ittra mingħand Wallace tiddeskrivi s-selezzjoni naturali. Maħsud u mdejjaq li kien ġie "antiċipat", bagħatha lil Lyell kif kien mitlub u, billi Wallace ma kienx talab li tiġi ppubblikata, ippropona li jibgħatha lill-ġurnal li jagħżel Wallace. Il-familja tiegħu kienet inkwetata ħafna għax fir-raħal it-tfal kienu qegħdin imutu bl-iskarlatina, u għalhekk ħalla l-affari f'idejn Lyell u Hooker. Dawn qabblu li jippreżentaw ix-xogħol ta' Darwin u Wallace flimkien fil-Linnean Society fl-1 ta' Lulju bit-titlu:
| "Fuq it-Tendenza tal-ispeċi li jiffurmaw varjetajiet; u fuq il-Perpetwazzjoni tal-varjetajiet u l-ispeċi b'mezzi naturali ta' selezzjoni"[107]. |
Charles, l-iżgħar minn ulied Darwin, li kien għad għandu inqas minn sentejn, miet bl-iskarlatina u missieru kien wisq imnikket u mweġġa' biex jattendi.[108]
Fil-bidu ftit taw każ meta tħabbret din it-teorija. Il-president tal-Linnean innota f'Mejju tal-1859 li s-sena ma kienet immarkata bl-ebda skoperta rivoluzzjonarja.[109] Wara, Darwin ma seta' jiftakar l-ebda reċensjoni ħlief waħda biss li tidher li dejqitu. Din kienet mill-Professur Haughton ta' Dublin, li stqarr li "Dak kollu li kien ġdid kien falz, u dak kollu li kien veru ma kienx ġdid".[110]. Darwin tħabat għal tlettax-il xahar biex jikteb sommarju tal-"ktieb il-kbir" tiegħu, waqt li bata minn problemi ta' saħħa, imma kien il-ħin kollu imħeġġeġ minn ħbiebu xjentifiċi. Lyell irranġa biex John Murray (1841-1914) jippubblikaha.[111].
Dwar l-Oriġni tal-Ispeċi permezz tas-Selezzjoni Naturali jew il-Preżervazzjoni tal-aħjar razez fil-ġlieda għall-Ħajja, is-soltu mqassar fil-forma Dwar l-Oriġni tal-Ispeċi, mal-pubbliku kellu suċċess kbir li ma kienx mistenni. L-1250 kopja kollha tal-ewwel edizzjoni kienu diġà riservati meta ħarġet għall-bejgħ fil-ħwienet fit-22 ta' Novembru tal-1859.[112] Darwin żviluppa "argument twil" ibbażat fuq osservazzjonijiet dettaljati, spjega l-inferenzi u kien lest għall-oġġezzjonijiet mistennija.[113] L-unika allużjoni għall-evoluzzjoni tal-bnedmin kienet l-affermazzjoni diskreta li
| "xi xquq ta' dwal se jintefgħu fuq nisel il-bniedem u l-istorja tiegħu." |
Evita l-kelma "evoluzzjoni" għax din kienet polemika dak iż-żmien, iżda fl-aħħar tal-ktieb ikkonkluda li "għadd bla tmiem ta' forom mill-isbaħ u mill-aktar tal-għaġeb evolvew u għadhom jevolvu".[114] It-teorija tiegħu hi spjegata b'mod sempliċi fid-daħla:
| "Peress li jitwieldu ħafna aktar individwi ta' kull speċi milli jistgħu jgħixu, u li għalhekk, spiss ikun hemm ġlieda għall-ħajja, isegwi li ħliqa, jekk tvarja, ħafif kemm ikun, b'mod li hu ta' ġid għaliha, fil-kondizzjonijiet kumplessi u kultant varjabbli tal-ħajja, se jkollha ċans aħjar li tgħix u għalhekk tintgħażel b'mod naturali. Minħabba l-prinċipju dominanti tal-eredità, kull varjetà hekk magħżula għandha t-tendenza li timmultiplika fil-forma ġdida u mibdula tagħha"[115]. |

Il-ktieb ta' Charles Darwin qanqal interess kbir fost il-pubbliku, kif ukoll polemika li hu kien isegwi mill-qrib, billi jżomm reċensjoniet, artikli, parodiji u karikaturi maqtugħin mill-gazzetti.[116] L-evoluzzjoni permezz tas-selezzjoni naturali kienet diskussa fil-wisa', u anki diffamata, partikularment fil-komunitajiet reliġjużi u xjentifiċi. Għalkemm Darwin kellu l-appoġġ ta' xi xjenzati (pereżempju, Thomas Henry Huxley, Ernest Renan u wkoll Ernst Haeckel li malajr xandarha mal-Ġermanja), oħrajn sabuha bi tqila li jaċċettaw t-teorija tiegħu minħabba l-kapaċità bla spjegazzjoni tal-ħlejjaq li jgħaddu l-ħiliet tagħhom lid-dixxendenti. Dan l-aħħar punt kien fl-istess ħin qiegħed jistudjah, Gregor Mendel, iżda ma jidhirx li ż-żewġ xjenzati qatt ikkomunikaw ma' xulxin.[117][118] Anki bil-liġijiet ta' Mendel, il-mekkaniżmu baqa' misteru sakemm ġiet skoperta l-eżistenza tal-ġeni.
Il-kritiċi ostili malajr waslu għal konklużjonijiet li Darwin, fil-fatt, qatt ma kien esprima, bħal li l-bniedem hu mnissel mix-xadini. Fil-verità f'Dwar l-Oriġni tal-Ispeċi, qatt Darwin ma semma n-nisel tal-bniedem. Il-pubbliku ħallat l-ideat espressi fil-ktieb ta' Darwin ma' dawk ta' Jean-Baptiste Lamarck, li ħamsin sena qabel kien ħareġ b'dawn l-ideat mingħajr l-ebda skandlu. Fost ir-reazzjonijiet favorevoli, kien hemm ir-reċensjonijiet ta' Huxley immirati lejn il-kritika ta' Richard Owen, il-kap tal-istabbiliment xjentifiku li Huxley ried iwaqqa'. Il-verdett ta' Owen baqa' mhux magħruf sakemm f'April ħarġet ir-reċensjoni tiegħu fejn ikkundanna l-ktieb.[119]
L-istabbiliment xjentifiku tal-Knisja Anglikana, li inkluda lill-eks-għalliema ta' Darwin f'Cambridge, Adam Sedgwick u John Stevens Henslow, irreaġixxa b'mod ostili, minkejja l-laqgħa favorevoli mill-ġenerazzjoni żagħżugħa ta' naturalisti professjonisti. Fl-1860, il-pubblikazzjoni tas-Saġġi u Reċensjonijiet minn seba' teoloġi liberali Anglikani warrbu l-attenzjoni tal-kleru minn fuq Darwin. Il-Knisja kkundannat bħala eretika din il-kritika liberali għaliex fiha kien hemm fost oħrajn l-argument li bil-mirakli Alla jikser il-liġijiet tiegħu stess, opinjoni atea, u kien fiha wkoll tifħir għall-"volum maġisterjali tas-Sur Darwin [li appoġġja] l-prinċipju ġenerali li n-natura għandha l-poter li tevolvi weħida.[120]

Id-dibattitu pubbliku l-iżjed famuż sar f'Oxford f'laqgħa tal-"British Association for the Advancement of Science". Il-Professur John William Draper għamel difiża twila favur Darwin u l-progress soċjali, imma mbagħad l-Isqof ta' Oxford, Samuel Wilberforce tkellem kontra Darwin. Fid-diskussjoni li segwiet, Joseph Dalton Hooker żamm bil-qawwa ma' Darwin filwaqt li Thomas Huxley sar il-"bulldog ta' Darwin" - kien l-eħrex difensur tat-teorija tal-evoluzzjoni fl-epoka Vittorjana. Iż-żewġ partiti tellqu, kull naħa tiftaħar li rebħet, iżda Huxley baqa' famuż għat-tweġiba tiegħu: meta Wilberforce saqsieh jekk kienx ġej mix-xadini min-naħa ta' nannuh jew ta' nanntu, Huxley nstema' jgerger: "Alla stess ġabu f'idejja" u wieġbu li "jippreferi jkun ġej minn xadina milli minn raġel kolt li juża' l-kultura u l-elokwenza tiegħu fis-servizz tal-preġudizzju u l-gideb".[121][122]
Id-dibattitu ħareġ mill-ambitu tax-xjenza, il-Knisja Anglikana u l-Protestanteżmu. L-awtoritajiet tal-Knisja Kattolika daħlu fil-polemika wkoll. Fl-1860, infatti, Darwin kien ikkundannat minn laqgħa tal-isqfijiet miżmuma f'Kolonja. Il-Papa imbagħad tkellem diversi drabi biex jiddenunzja t-teorija li l-bnedmin hu mnissel mix-xadini.
Minkejja li saħħtu ma ħallitux jieħu parti fid-diskussjoni pubblika, xorta kien isegwiha b'interess kbir minn dak li kienu jibgħtulu u jġibulu. Asa Gray irranġa l-pubblikazzjoni tal-ewwel edizzjoni fl-Istati Uniti u ra li tħallas għaliha, waqt li Darwin qassam il-ktejjeb ta' Gray fejn wera li s-selezzjoni naturali ma kinitx inkompatibbli mat-teoloġija naturali.[123][124] Fil-Gran Brittanja, ħbiebu, fosthom Scott Hooker[125] u Scott Lyell,[126] ħadu sehem f'diskussjonijiet xjentifiċi. Huxley iġġieled kampanja sħiħa kontra l-ħakma tal-Knisja u d-dilettanti aristokratiċi taħt Owen, favur ġenerazzjoni ġdida ta' xjenzati professjonisti. Owen għamel l-iżball li jsemmi xi differenzi anatomiċi bejn il-moħħ tax-xadini u l-moħħ tal-bniedem, u akkuża 'l Huxley li sostni li "l-bniedem hu mnissel mix-xadini". Huxley kien lest u kuntent li jsostni din il-fehma u l-kampanja tiegħu, li damet aktar minn sentejn, kienet veru diżastru għal Owen u ta' miegħu,[127] li sfaw imxejnin. Il-ħbieb ta' Darwin iffurmaw il-"Club X" u għenu biex iġibulu l-unur tal-għotja tal-"Midalja Copley" mir-Royal Society fl-1864.[128]
Il-Vestiġji kien diġà qajjem interess kbir fost il-pubbliku, u L-Orġni tal-Ispeċi li nqaleb għal għadd kbir ta' lingwi u ġie stampat ħafna drabi, sar test xjentifiku bażiku aċċessibbli kemm għall-klassi tan-nofs kurjuża biex tisma' affarijiet ġodda u kemm għas-sempliċi ħaddiema li kienu jattendu t-taħdidiet ta' Huxley. It-teorija ta' Darwin[129] influwenzat bosta movimenti differenti tal-epoka[130] u saret waħda mis-sisien ewlenin tal-kultura popolari.[131].

Minkejja li matul l-aħħar tnejn u għoxrin sena ta' ħajtu sofra minn mard frekwenti, Darwin kompla x-xogħol tiegħu. Kien ippubblika sommarju tat-teorija tiegħu, iżda l-aspetti l-aktar polemiċi tal-"ktieb il-kbir" tiegħu baqgħu mhux mitmuma, fosthom xhieda espliċita tal-fatt li l-bniedem hu mnissel minn annimali antenati tiegħu, u t-tfittxija tal-kawżi possibbli li kienu l-bażi tal-iżvilupp tas-soċjetà u l-kapaċitajiet mentali tal-bniedem. Huwa kien baqgħalu jispjega xi karatteristiċi li m'għandhom l-ebda użu ovvju ħlief min-naħa tal-estetika. Kompla jesperimenta, jfittex, jikteb.
Meta bintu mardet, Darwin waqaf mill-esperimenti tiegħu fuq iż-żrieragħ u l-annimali domestiċi biex imur joqgħod magħha ħdejn il-baħar; hemm beda jinteressa ruħu fl-orkideji salvaġġi u minn dan irriżulta studju revoluzzjonarju dwar kif il-ġmiel tal-fjuri jintuża' biex jiġu żgurati l-pollinazzjoni mill-insetti u d-dakkir. Bħal fil-każ tal-koċċli, sab li partijiet omoloġi jwettqu funzjonijiet differenti fi speċi differenti. Meta mar lura d-dar, saħħtu marret għall-agħar u l-kamra fejn kien mimdud kienet mimlija eperimenti inġenjużi biex isib kif jinfirxu x-xtieli xeblieka. Kellu żjara minn Ernst Haeckel (1834-1919), wieħed mill-ammiraturi kbar tiegħu li kien xandar l-evanġelju tad-Darwiniżmu mal-Ġermanja kollha.[132] Wallace kompla jappoġġjah, għalkemm xaqleb aktar u aktar lejn l-ispiritiżmu.[133]
Il-varjazzjoni tal-annimali u x-xtieli taħt l-azzjoni tad-domestikazzjoni[134] kienet tifforma l-ewwel parti tal-"ktieb il-kbir" li Darwin kien ippjana (l-iżvilupp tas-"sommarju", li kien ippubblika bit-titlu Dwar l-Oriġni tal-Ispeċi). Din l-ewwel parti kibret sa ma saret żewġ volumi kbar imma minkejja t-tul tagħha din inbiegħet malajr. Però minħabba dan it-tul, Darwin kellu jħalli barra l-evoluzzjoni tal-bniedem u l-għażla sesswali.[135]
F'dan il-ktieb, Darwin isostni li waħda mill-kawżi tal-evoluzzjoni hija l-wirt tal-karatteristiċi miksuba. (Kontra ma jaħsbu ħafna, fil-fatt, Darwin ma jiċħadx l-idea Lamarckjana tat-trażmissjoni tal-karatteristiċi miksuba.) Ipprova ħafna jagħti spjegazzjoni teoretika tal-eredità tal-karatteristiċi akkwistati bl-għajnuna tal-ipoteżi tal-panġenesi.[136] Fl-1880, sentejn qabel mewtu, kien għadu jikteb lir-rivista Nature biex imeri dak li kien jgħid Wyville Thomson, li hu għamel l-għażla naturali l-uniku mutur tal-evoluzzjoni u sabiex jafferma mill-ġdid il-qbil tiegħu mat-teorija tal-effett tal-użu u n-nuqqas ta' użu.[137] (F'termini Lamarckjani[138] tal-eredità tal-karatteristiċi miksuba).
Il-kwistjoni tal-evoluzzjoni tal-bniedem tqajmet minn dawk li kienu jappoġġjawh (u dawk li kienu jmaqdruh) ftit wara l-pubblikazzjoni ta' Dwar l-Oriġni tal-Ispeċi,[139] iżda l-kontribuzzjoni vera ta' Darwin dwar dan is-suġġett ġiet aktar minn għaxar snin wara, bix-xogħol f'żewġ volumi ta' Nisel il-bniedem u l-għażla marbuta mas-sess ippubblikat fl-1871. Fit-tieni volum, Darwin fisser bir-reqqa l-kunċett tiegħu tal-għażla sesswali biex jispjega l-evoluzzjoni tal-kultura umana, id-differenzi bejn is-sessi fil-bnedmin u bejn ir-razez umani, kif ukoll il-ġmiel tar-rix fl-għasafar (li ma deherx li kien ir-riżultat ta' adattament).[140][141] Is-sena ta' wara Darwin ippubblika l-aħħar xogħol importanti tiegħu, L-Espressjoni tal-emozzjonijiet fil-bnedmin u fl-annimali, iddedikat għall-evoluzzjoni tal-psikoloġija umana u kif ġejja mill-imġiba tal-annimali. Spjega l-ideat tiegħu li skonthom il-moħħ tal-bniedem u l-kulturi żviluppaw bis-selezzjoni naturali u sesswali,[142] kunċett li gawda bidu ġdid fl-aħħar tletin sena bit-twelid tal-psikoloġija evoluzzjonista.[143] Kif ikkonkluda f'Nisel il-bniedem, Darwin kien jaħseb li minkejja l-"kwalitajiet nobbli" tal-umanità u l-"kapaċitajiet li żviluppat": "Il-bniedem għandu dejjem fl-għamla fiżika tiegħu, it-timbru li ma jitħassarx tan-nisel umli tiegħu".[144]
L-esperimenti u r-riċerki tiegħu dwar l-evoluzzjoni spiċċaw biex dehru fil-kotba fuq il-moviment tax-xtieli xeblieka, xtieli insettivori, l-effetti tad-dakkir tax-xtieli u l-awto-fertilizzazzjoni tagħom, il-forom differenti ta' fjuri fuq il-pjanti tal-istess speċi u l-abbiltà tal-pjanti li jiċċaqalqu. Fl-aħħar ktieb tiegħu reġa' ħares lejn l-influwenza tal-ħniex fuq il-formazzjoni tal-ħamrija.[7]
Darwin miet f'Down, Kent, fid-19 ta' April tal-1882. Kien hemm il-ħsieb li jindifen fiċ-ċimiterju tal-knisja ta' Santa Marija f'Downe,[145] iżda minħabba talba li saret mill-kollegi ta' Darwin, William Spottiswoode (1825-1883), il-President tar-Royal Society, għamel li lil Darwin isirlu funeral statali u mbagħad indifen f'Westminster Abbey ħdejn l-astronomu John Herschel u l-fiżiku Isaac Newton.[146]