Spanja (bl-Ispanjol: España), uffiċjalment Renju ta' Spanja (bl-Ispanjol Reino de España), hija stat demokratiku, membru tal-Unjoni Ewropea (mill-1 ta' Jannar 1986) u tan-NATO (mill-30 ta' Mejju 1982). Hi organizzata taħt forma ta' monarkija parlamentari. Qiegħda fl-Ewropa tal-Lbiċ, u flimkien mal-Portugall, ma' Andorra u mal-Ġibiltà, tifforma il-Peniżola Iberika. Fix-Xlokk għandha fruntiera ma' Franza (li hi separata minnha bil-katina tal-Pirenej) u Andorra, u fin-naħa t'isfel għandha l-Baħar Mediterran u Ġibiltà (biċċa art żgħira tar-Renju Unit). Fil-kontinent Afrikan, għandha il-bliet awtonomi Ceuta u Melilla fil-Marokk. Għandha xi nuqqas ta' qbil mal-Portugall fuq il-belt ta' Olivenza u l-Gżejjer Salvaġġi[2], li qegħdin bejn Madeira u l-Gżejjer Kanarji, mar-Renju Unit fuq Ġibiltà, u mal-Marokk fuq Ceuta u Melilla. Spanja, b'kodominju ma' Franza għandha l-belt ta' Llívia, imsejħa l-Gżira tal-Paguni fix-xmara Bidasoa.

Spanja għandha erja ta' 504,645 km²[3], 46,468,102 abitant (informazzzjoni tal-2016) u tokkupa 'l fuq minn 85 % tat-territorju tal-Peniżola Iberika. Mill-1561, barra xi perjodu qasir bejn l-1601 u l-1606, il-belt kapitali hi Madrid, li b'iżjed minn tliet miljun abitant (madwar sitt miljuni fiż-żona metropolitana) hi wkoll il-belt bl-ikbar popolazzjoni. Il-lingwa uffiċjali tal-istat hu l-Kastiljan, is-soltu msejjaħ Spanjol. Jitkellmu wkoll bil-Katalan, bil-Galizjan u bil-Bask li jgawdu status ta' koufficjalità, garantit mill-Kostituzzjoni Spanjola, fit-territorji rispettivi fejn huma mitkellma. Fl-istess ħin il-Leoniż, l-Aragoniż u l-Araniż, djalett tal-Oċċitan f'León, f'Aragona u fil-Katalonja, igawdu kouffiċjalità mal-Kastiljan u, fil-każ tal-Araniż, anki mal-Katalan. Il-lingwi l-oħra li jitkellmu fil-pajjiż mhumiex rikonoxxuti uffiċjalment.

Spanja fruntieri totali: 1,952.7 km, pajjiżi tal-fruntiera (5): Andorra 63 km; Franza 646 km; Ġibiltà 1.2 km; Portugall 1,224 km; Il-Marokk (Ceuta) 8 km u l-Marokk (Melilla) 10.5 km, nota: teżisti segment tal-fruntiera addizzjonali ta' 75 metru bejn il-Marokk u l-exclave Spanjola ta' Penon de Velez de la Gomera.

L-ewwel xhieda bil-kitba dwar il-Peniżola Iberika tiddeskriviha bħala art popolata fil-parti l-kbira mill-Iberiċi, mill-Baski u miċ-Ċeltiċi. Wara konkwista iebsa, il-peniżola waqgħet taħt il-ħakma ta' Ruma. Matul il-Medjuevu għaddiet għal taħt il-ħakma Ġermanika, imma iżjed tard, ġiet konkwistata mill-Għarab. F'proċess li ħa mijiet ta' snin, ir-renji żgħar Insara tan-naħa ta' fuq bil-mod reġgħu ħadu l-peniżola f'idejhom. L-aħħar saltna Għarbija waqgħet fl-istess sena li Kristofru Kolombu wasal fl-Ameriki (1492). F'dan il-perjodu Spanja bdiet tibni imperu dinji u damet potenza ewlenija fid-dinja għal seklu u nofs.

Bil-gwerer kontinwi u problemi oħra, il-poter tal-Imperu Spanjol naqas progressivament. L-invażjoni Napoleonika ta' Spanja ħolqot straġi fin-nazzjon u twieldu ħafna movimenti indipendentisti li qerdu l-parti l-kbira tal-imperu u ħallew il-pajjiż politikament instabbli. Qabel it-Tieni Gwerra Dinjija, Spanja għaddiet minn gwerra ċivili qerrieda li wasslet għat-twaqqif ta' gvern awtoritarju, li kkoinċida ma' perjodu ta' staġnar li però temm b'impuls ekonomiku qawwi. Id-demokrazija mbagħad twaqqfet paċifikament fil-forma ta' monarkija kostituzzjonali parlamentari. Fl-1986, Spanja daħlet fl-Unjoni Ewropea u kellha twelid kulturali ġdid u tkabbir ekonomiku kontinwu.

Ir-riċerki arkeoloġiċi ħdejn Atapuerca juru li l-Peniżola Iberika kienet popolata mill-ominidi minn 1.2 miljun sena ilu.[5] Il-bniedem modern wasal fl-Iberja, min-naħa ta' fuq bil-mixi, madwar 32,000 sena ilu.[6] L-oġġetti magħmulin bl-idejn l-iżjed magħrufin ta' dawn l-insedjamenti preistoriċi huma t-tpinġijiet famużi tal-Għar ta' Altamira f'Cantabria li saru għall-ħabta tal-15,000 Q.K. mill-bniedem ta' Cro-Magnon.


Ix-xhieda arkeoloġika u ġenetika tissuġġerixxi li l-Peniżola Iberika serviet bħala wieħed mill-ikbar postijiet li minnhom beda r-ripopolament tat-Tramuntana tal-Ewropa wara t-tmiem tal-aħħar Żmien is-Silġ.

Iż-żewġ popli storiċi prinċipali tal-peniżola kienu l-Iberiċi u ċ-Ċeltiċi. L-Iberiċi kienu jgħixu fuq in-naħa tal-Mediterran mix-Xlokk għall-Grigal. Iċ-Ċeltiċi bil-kontra kienu joqogħdu mal-Atlantiku, fit-Tramuntana, fiċ-ċentru, fil-Majjistral u fil-Lbiċ tal-peniżola. Il-Baski kienu jokkupaw iż-żona tal-Punent tal-katina tal-muntanji tal-Pirenej u l-inħawi ta' madwar.

Bejn il-500 Q.K. u t-300 Q.K., il-baħrin Feniċi u l-Griegi waqqfu kolonji kummerċjali tul il-kosta Mediterranja. Il-Kartaġiniżi għal żmien qasir kellhom il-kontroll tal-parti l-kbira tan-naħa Mediterranja tal-peniżola, sakemm ġew megħlubin fil-Gwerer Puniċi mir-Rumani.[7]

Teatru Ruman ta' Mérida, Badajoz.
Il-Lapida ta' Comenciolo, iskrizzjoni ta' Cartagena li tirreġistra l-patrizju ta' Comenciolo
Mausoleum Ruman ta' Córdoba
Dekorazzjoni ta' tabulaturi, Mausoleum Ruman ta' Fabara
Mausoleum Ruman ta' Fabara
Ruins ta' Munigua, minicipium ta' l-Imperu Ruman, li jinsab fl-Andalusija tal-lum, Spanja.

Matul it-tieni gwerra Punika, l-espansjoni tal-Imperu Ruman, rebaħ xi kolonji kummerċjali Kartaġiniżi matul il-kosta Mediterranja. Però r-Rumani kellhom jieħdu żewġ sekli biex jirbħu l-Peniżola Iberika sħiħa. Il-ħakma Rumana ġabet il-lingwa, il-liġi u t-toroq.[8]

Il-kulturi tal-popolazzjonijiet Ċeltiċi u Iberiċi, bil-mod ġew Rumanizzati. Il-mexxejja lokali tħallew jidħlu fil-klassi aristokratika Rumana. Spanja kienet tipproduċi kwantità kbira ta' qamħ għas-suq Ruman u mill-portijiet tagħha kienu jiġu esportati d-deheb, is-suf, iż-żejt taż-żebbuġa u l-inbid. Il-produzzjoni agrikola żdiedet bl-introduzzjoni tal-irrigazzjoni. L-imperaturi Trajanu u Teodożju I u l-filosfu Seneka twieldu Spanja. Il-Kristjaneżmu daħal fil-pajjiż fl-ewwel seklu u progressivament sar iżjed popolari.

L-Imperu Ruman tal-Punent fi Spanja beda jmur lura fl-409, meta l-Iżvevi u l-Vandali, flimkien mal-Alani, qasmu r-Renu, iddevastaw il-Gallja, u mbagħad il-Viżigoti imbuttawhom ġo Spanja. L-Iżvevi stabbilew renju fejn illum jinsabu Galizja moderna u n-naħa ta' fuq tal-Portugall.

Il-Vandali Silingi okkupaw ir-reġjun li ismu għad għandu parti minn isimhom: Vandalusja, Andalusja. Il-Biżantini stabbilew tip ta' enklavi fin-naħa t'isfel tal-pajjiż, bl-iskop li jqajmu l-Imperu Ruman fl-Iberja kollha. Fl-aħħar, però, Spanja ġiet riunita taħt il-ħakma tal-Viżigoti.

L-Alhambra, Granada.
Vestigi tal-ħajt Musulman ħdejn il-Cuesta de la Vega, Madrid
Corral del Carbón (Korral ta' Karbonju), ex caravanserai fi Granada, Spanja kienu bini fit-triq fejn il-vjaġġaturi (caravaneros) setgħu jistrieħu u jirkupraw mill-vjaġġ tal-ġurnata.
Dirham tal-fidda ta' Alhakén II, Kalif ta' Córdoba
Dirham tal-fidda maħruġ fl-1002 minn Hisham II, Kalif ta' Córdoba

Fis-seklu 8, l-armati Musulmani, li fil-parti l-kbira kienu Għarab, rebħu kważi l-Peniżola Iberika kollha. Dawn il-konkwisti kienu parti mill-espansjoni tal-Kalifat Għumawijjad. Reġjun żgħir muntanjuż fix-Xlokk biss irnexxielu jirreżisti l-invażjoni tal-bidu.

Skont il-liġi Iżlamika, l-Insara u l-Lhud jieħdu l-istatus ta' dhimmi jew subordinati. Dan kien iħalli l-Insara u l-Lhud jipprattikaw ir-reliġjon tagħhom, imma kellhom iħallsu taxxa speċjali u kienu jbatu minn ċertu diskriminazzjoni.[9][10]

Il-konverżjoni għall-Iżlam bdiet dejjem tiżdied. Il-muladies (Musulmani ta' nisel etniku Iberiku) jingħad li kienu jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-popolazzjoni lejn it-tmiem tas-seklu 10.[11][12]

Il-Giralda, il-kampnar tal-katidral ta' Sivilja.

Cordoba kienet il-belt kapitali tal-Kaliffat u kienet l-ikbar belt u l-iżjed għanja fil-Punent tal-Ewropa. Il-kummerċ fil-Mediterran iffavorixxa l-iskambju kulturali u t-tradizzjoni intellettwali għanja tal-Musulmani dakkret parti kbira mill-intellettwali Ewropej.

Ir-Reconquista ("Rikonkwista") kienet perjodu li dam xi 750 sena, li matulu r-rejiet Insara ta' Spanja espandew il-ħakma tagħhom għad-dannu tas-saltniet Għarab. Ir-Reconquista bdiet bil-battalja ta' Covadonga fis-722. Bir-rebħa Nisranija twaqqaf ir-Renju tal-Asturias tul il-muntanji Xlokkin tal-kosta. Ftit wara, fis-739, il-qawwiet Musulmani tkeċċew minn Galizja, li l-Insara kienu jqisu wieħed mill-postijiet l-iżjed imqaddsa minħabba li hemm is-Santwarju ta' Santiago de Compostela. L-armati Musulmani mexew 'il fuq mill-Pirenej, imma ġew megħlubin mill-forzi tal-Franki fil-Battalja ta' Poitiers. Aktar tard, il-forzi tal-Franki waqqfu kontej Insara fuq in-naħa t'isfel tal-Pirenej. F'dan ir-reġjun imbagħad twaqqfu r-renji ta' Navarra, ta' Aragona u ta' Katalonja.[13] Għal ħafna sekli, il-konfini sejrin 'l hemm u 'l hawn bejn l-artijiet Musulmani u tal-Insara kienu jestendu matul il-widien tal-Ebro u tad-Duero.

Il-ħakma tal-belt, strateġikament ċentrali, ta' Toledo, li ġrat fl-1085, kienet sinjal ta' bidla sinifikattiva fil-bilanċ tal-poter favur ir-renji Nsara.

Kastell ta' Loarre, Huesca (Castillo de Loarre, Huesca)
Alfonso XI (xellug), Re ta' León u Kastilja, 1300s

Fis-sekli 13 u 14, il-fergħa Musulmana tal-Merjenjewn jew Merinidi, ġejja mit-Tramuntana tal-Afrika invadiet u stabbiliet xi enklavi fin-naħa t'isfel tal-pajjiż, imma ma rnexxilhomx jistabilixxu l-ħakma Musulmana fl-Iberja u malajr tkeċċew. Fis-seklu 13 ir-renju Aragoniż ipprova jespandi l-influwenza tiegħu mal-ġżejjer tal-Mediterran, f'Sqallija u anki f'Ateni.[14] F'dan il-perjodu twaqqfet l-università ta' Palencia (1212/1263) u l-università ta' Salamanca (1218/1254). Il-pesti tal-1348 u tal-1349 iddevastaw lil Spanja.[15]

Fl-1469, il-kuruni tar-renji Nsara ta' Kastilja u Aragona ngħaqdu biż-żwieġ ta' Iżabella I ta' Kastilja ma' Ferdinandu II ta' Aragona. Fl-1478 twettqet għalkollox il-konkwista tal-Gzejjer Kanarji u fl-1492, il-forzi ta' Kastilja u ta' Aragona ħadu l-Emirat ta' Granada u qerdu l-aħħar fortizza tal-preżenza tal-ħakma Iżlamika ta' 781 sena fl-Iberja. It-Trattat ta' Granada ggarantixxa t-tolleranza reliġjuża għall-Musulmani.[16] Fl-istess sena Kristoforu Kolombo wasal fid-Dinja l-Ġdida, bil-vjaġġ tiegħu ffinanzjat minn Iżabella, u l-Lhud ġew ordnati li jikkonvertu għall-Kattoliċiżmu bil-piena li jitkeċċew mit-territorji Spanjoli matul l-Inkwiżizzjoni Spanjola.[17] Ftit snin wara, wara xi taqbid soċjali, il-Musulmani tkeċċew taħt l-istess kundizzjonijiet.[18]

L-influwenza storika tal-Imperu Spanjol
Dettall ta' “Il-Battalja ta' Lepanto”, ta' Lucas Valdés, fil-Knisja ta' La Magdalena, Sevilja. (Il-battalja seħħet fis-7 ta' Ottubru, 1571 fil-Golf ta' Patras, fejn il-Lega Mqaddsa kienet rebbieħa kontra l-Ottomani.)
Tarka doppja ("pistola") ta' Filippu IV, 1630
Tpinġija tal-belt fortifikata u b'ħitan ta' Badajoz (nofs is-seklu 17). Ħitan tal-Alcazaba fuq ix-xellug. Hornabeque de la Cabeza mill-pont Palmas fit-tagħrif miksub. Ħajt medjevali, katidral u Puerta de Palmas fl-isfond.

L-unifikazzjoni tal-kuruni ta' Aragona u ta' Kastilja kienet il-pedament li fuqu nbnew Spanja moderna u l-Imperu Spanjol.[19] Biha Spanja saret potenza Ewropea indiskutibbli matul is-seklu 16 kollu u matul il-parti l-kbira tas-seklu 17, minħabba l-kummerċ u l-artijiet kolonjali tagħha. Matul dan il-perjodu, Spanja għaddiet minn bosta gwerer u ribelljonijiet, fosthom: il-gwerer tal-Italja, ir-ribelljoni tal-Comuneros, dik li hi msejħa "l-Gwerra tat-Tmenin Sena", ir-ribelljoni tal-Moriscos u l-gwerra Anglo-Spanjola.[20]

Kien perjodu wkoll ta' ferment kulturali kbir, minħabba l-ftuħ ta' rotot ġodda, l-esplorazzjoni tad-dinja u l-iskambji kummerċjali. Spanja gawdiet minn l-hekk imsejjaħ "Seklu tad-Deheb". L-attività kulturali kellha l-epiċentru tagħha fl-Università ta' Salamanca.

Fit-tieni nofs tas-seklu 17, Spanja bil-mod bdiet sejra lura. Minkejja xi telfiet żgħar ta' territorji fi Franza, żammet l-imperu vast li kellha fin-naħa l-oħra tal-oċean sal-bidu tas-seklu 19.

It-tnaqqis ta' poter kien l-agħar fil-Gwerra tas-Suċċessjoni Spanjola li spiċċat f'kunflitt internazzjonali kbir u f'gwerra ċivili, li lil Spanja swielha l-pożizzjoni li kellha bħala waħda mill-ikbar potenzi fid-dinja.

Matul din il-gwerra, ħadet il-poter dinastija ġdida ġejja minn Franza, il-Borboni, li abolixxiet ħafna privileġġi antiki u l-liġijiet reġjonali.[21]

Fis-seklu 18, Spanja bil-mod bdiet terġa' tqum fuq saqajha u tikber fil-prosperità f'parti kbira tal-imperu. Il-monarkija Borbonika għamlet ħafna xogħol ta' modernizzazzjoni, fuq l-istil tas-sistema Franċiża, rigward it-tmexxija amministrattiva u ekonomika. L-ideat tal-Illuminiżmu bdew deħlin fost xi membri tal-elit tar-renju u tal-monarkija.

L-Imperu Spanjol, fl-aqwa mument ta' espansjoni territorjali (1783), okkupa 20 miljun kilometru kwadru. Dan it-territorju kien magħmul minn 97.48% tat-territorju barrani, it-2.52% li jifdal kien it-territorju Metropolitan.

It-3 ta' Mejju 1808, pittura ta' Goya li turi r-repressjoni tar-rivoluzzjonarji Spanjoli mit-truppi Franċiżi

Fl-1793, Spanja daħlet fi gwerra kontra ir-Repubblika ġdida Franċiża, li kienet neħħiet mill-poter u ġġustizzjat ir-re tagħha Lwiġi XVI li kien Bourbon. Spanja tilfet il-gwerra u ffirmat trattat ta' paċi fl-1795. B'dan it-trattat Spanja saret stat klijent ta' Franza. It-trattat sigriet ta' Fontainebleau bejn Napuljun u Manuel Godoy tal-1807, li ma kien popolari xejn, inkluda dikjarazzjoni ta' gwerra kontra l-Gran Brittanja u l-Portugall. It-truppi Franċiżi daħlu fir-renju bla reżistenza, bl-iskuża li ħa jinvadu l-Portugall, okkupaw il-fortizzi Spanjoli u r-re Spanjol ġegħluh jabdika favur ħu Napuljun, Ġużeppi Bonaparte.

Din il-monarkija pupazz barrani, l-Ispanjoli qisuha bħala disprezz. Ir-ribelljoni tat-2 ta' Mejju, waħda minn ħafna ribelljonijiet nazzjonalisti kontra r-reġim Bonapartista fil-pajjiż kollu,[22] kienet il-bidu tal-gwerra tal-indipendenza Spanjola.[23] Napuljun kellu jindaħal personalment u kisser bosta armati Spanjoli li ma kellhomx organizzazzjoni u ġiegħel Armata Brittanika tirtira. Madankollu, minħabba l-qawwa tal-Brittaniċi u l-kampanja diżastruża fir-Russja li kellhom il-Franċiżi, fl-1814 l-armata Franċiża tkeċċiet minn Spanja u Ferdinandu VII reġa' ħa t-tron.[24]

L-invażjonijiet Franċiżi qerdu l-ekonomija u ħallew lil Spanja b'instabbiltà politika qawwija. Il-ġlied għall-poter tas-seklu 19 wasslu għat-telf tal-kolonji Amerikani kollha, ħlief Kuba u Puerto Rico.

Il-vapur Spanjol Cristóbal Colón, meqrud fil-battalja ta' Santiago ta' Kuba, it-3 ta' Lulju 1898

Minħabba l-instabbiltà politika u l-kriżi ekonomika li laqtet Spanja fis-seklu 19, qamu movimenti nazzjonalisti fil-Filippini u Kuba, dak iż-żmien taħt il-ħakma Spanjola. Dawn il-movimenti wasslu għall-gwerer għall-indipendenza li daħlu wkoll fl-Istati Uniti. Minkejja d-determinazzjoni ta' bosta fergħat militari, l-armata Spanjola kienet immexxija ħażin fl-ogħla livelli u dan wassal għat-telfa tal-gwerra Ispano-Amerikana. Din il-gwerra intemmet bit-Trattat ta' Pariġi tal-1898 li bih Kuba kisbet l-indipendenza u Spanja kellha ċċedi l-Filippini, Guam u Puerto Rico lill-Istati Uniti għal 20 miljun dollaru.

It-telfa militari (imsejħa El desastre) ikkontribwiet għall-ispinta li ħa l-grupp ta' intellettwali Spanjol, La generación del 98, li għamel analiżi kritika ħafna tas-sitwazzjoni tal-pajjiż.

Ħitan ta' Sevilla (Murallas de Sevilla/Sevilla City Walls)
Barracks tal-Muntanji (Cuartel de la Montaña), minn Capuz, fil-Gwida għal Madrid, manwal għall-lokal u l-barrani (1876)
Cartagena u l-bażi navali tagħha madwar l-1900.

Fil-bidu tas-seklu 20 kien hemm żmien qasir ta' paċi fi Spanja, li matulu kellha rwol żgħir fil-kolonjaliżmu fl-Afrika, bil-kolonizzazzjoni tas-Saħara tal-Punent, il-Marokk Spanjol u l-Gwinea Ekwatorjali. It-telfiet kbar li ġarrbet matul il-gwerra tar-Rif fil-Marokk ikkontribwew biex jimminaw il-monarkija. Kien hemm perjodu ta' reġim awtoritarju tal-Ġeneral Miguel Primo de Rivera (1923-1931) li ntemm bit-twaqqif tat-Tieni Repubblika Spanjola. Ir-repubblika tat l-awtonomija politika lill-pajjiżi Baski, lill-Katalonja, lill-Galizja u tat il-vot lin-nisa.

Francisco Franco u l-President Amerikan Eisenhower, Madrid, 1959.

F'Lulju 1936 bdiet il-Gwerra Ċivili Spanjola. Kienu l-forzi nazzjonalisti li kienu kontra r-Repubblika, immexxijin mill-Ġeneral Francisco Franco li bdew il-gwerra u dawn rebħuha bl-għajnuna tal-Ġermanja Nażista u l-Italja Faxxista.

Il-gwerra ċivili damet tliet snin u kienet il-kawża tal-mewt ta' 500,000 ruħ[25] u l-emigrazzjoni ta' madwar 500,000 ċittadin, li l-parti l-kbira tad-dixxendenti tagħhom illum joqogħdu fil-pajjiżi tal-Amerika Latina u minnhom hemm madwar 300,000 fl-Argentina biss.[26]. Il-gwerra ċivili Spanjola hi meqjusa bħala l-ewwel battalja tat-Tieni Gwerra Dinjija.

Spanja ta' Franco ddikjarat ruħha newtrali matul it-Tieni Gwerra Dinjija imma dan kien tal-isem biss għax kellha relazzjonijiet ta' ħbiberija mal-Potenzi tal-Assi. L-uniku partit legali taħt ir-reġim Frankista kien it-Tradicionalista Falange Española y de las J.O.N.S., li twaqqaf fl-1937. Il-partit iddikjara ruħu anti-Komunista, Kattoliku u nazzjonalista. Aktar tard il-partit ħa l-isem ta' Movimiento Nacional.

Wara l-gwerra dinjija, Spanja kienet politikament u ekonomikament marġinali u barra l-Ġnus Magħquda. Is-sitwazzjoni nbidlet fl-1955, matul il-perjodu tal-Gwerra Bierda, meta sar strateġikament importanti għall-Istati Uniti li jistabbilixxu preżenza militari fil-Peniżola Iberika, għall-konteniment ta' xi mossa mill-Unjoni Sovjetika fl-inħawi tal-baħar Mediterran. Fl-1960, Spanja kellha qabża kbira fl-ekonomija tagħha. Dan it-tkabbir f'daqqa li ressaq in-nazzjon lejn ekonomija moderna, sar magħruf bħala l-"miraklu Spanjol".

Bil-mewt ta' Franco, li ġrat f'Novembru 1975, Juan Carlos laħaq Re ta' Spanja u kap tal-Istat, skont il-liġi. Wara l-approvazzjoni tal-Kostituzzjoni Spanjola ġdida fl-1978 u l-wasla tad-demokrazija, l-istat trasferixxa xi poteri lir-reġjuni u ħoloq organizzazzjoni interna msejsa fuq il-komunitajiet awtonomi.

Fil-Pajjiżi Baski, in-nazzjonaliżmu moderat Bask għex spalla ma' spalla ma' moviment radikali nazzjonalista mmexxi mill-organizzazzjoni armata Euskadi Ta Askatasuna (ETA). Il-grupp twaqqaf fl-1959 matul ir-reġim ta' Franco, imma baqa' sejjer bil-kampanja vjolenti anki wara li bdiet id-demokrazija u kien hemm grad għoli ta' awtonomija reġjonali.

Fit-23 ta' Frar 1981, xi elementi ribelli fost il-forzi tas-sigurtà għamlu attentat ta' kolp ta' stat biex jimponu gvern militari. Ir-Re Juan Carlos ħa f'idejh personalment il-kmand tal-forzi armati u ġiegħel lir-ribelli jċedu.

Fit-30 ta' Mejju 1982, wara referendum, Spanja daħlet fin-NATO u l-partit soċjalista (Partido Socialista Obrero Español), PSOE, tela' fil-poter. Fl-1986 Spanja daħlet fil-Komunità Europea.

Fl-1982 it-Tazza tad-Dinja tal-Futbol, intlagħbet Spanja u għenet biex il-pajjiż jerġa' jsir magħruf fid-dinja wara s-snin ta' dittatura u ta' tranżizzjoni għad-demokrazija. Anki l-Olimpjadi ta' Barċellona tal-1992 kienu ta' ġid għat-turiżmu u biex isiru magħrufin il-mod ta' ħajja u d-drawwiet ta' Spanja l-ġdida.

Is-snin disgħin tas-seklu 20 huma karatterizzati mill-gvernijiet ta' José Maria Aznar tal-Partit Popolari Spanjol (Partido Popular) b'ħafna progress ekonomiku u soċjali.

Munita kommemorattiva tal-ewro ta' Spanja, 2015
El Temple, żona suburbana li tinsab fiż-żona metropolitana ta 'La Coruña, Galicia, Spanja.

Fl-1 ta' Jannar 2002, Spanja ma bagħetx tuża l-peseta bħala valuta u bdiet tuża l-ewro, li taqsam mat-18-il pajjiż ieħor taż-żona tal-ewro. L-ekonomija ta' Spanja kibret ħafna, iżjed mill-medja Ewropea, imma t-tkabbir spiċċa bil-kriżi ekonomika kbira li bdiet fl-2008.[27]

Fil-11 ta' Marzu 2004, kien hemm attakki terroristiċi fuq xi ferroviji f'Madrid. Wara proċess li dam ħames xhur, ġie konkluż li l-attakki kienu saru minn grupp militanti lokali mnebbaħ minn al-Qaeda.[28] L-attakki qatlu lil 191 ruħ u ferew lil iżjed minn 1,800. Jaħsbu li forsi l-attakki saru biex jinfluwenzaw ir-riżultat tal-elezzjoni ġenerali li kellha ssir tlett ijiem wara,[29] li rebaħ il-PSOE, immexxi minn José Luis Rodríguez Zapatero.[30]

Spanja hi nazzjon fin-naħa tan-Nofsinhar tal-Punent tal-Ewropa li tokkupa 85 % mill-Peniżola Iberika. L-erja totali hi ta' 504,782 km², li minnhom 499,542 km² huma art u 5,340 km² huma ilma.

Il-konfini ta' Spanja huma maqsuma f'88 % (4.964 km) baħar u 12 % (1.917 km) art. Fit-Tramuntana hemm il-Baħar ta' Cantabria (Golf ta' Biskaja) u fin-Nofsinhar u x-Xlokk hemm il-Baħar Mediterran u l-Baħar tal-Baleariċi, fil-Punent il-Portugall u l-Oċean Atlantiku u fil-Grigal Franza u Andorra tul il-Pirenej. Il-kosta Mediterranja għandha tul ta' 1.660 km, filwaqt li tal-Atlantiku twila 710 km. Il-Pirenej jestendu għal 435 km mill-Baħar Mediterran sal-Golf ta' Biskaja. Fit-tarf t'isfel ta' Spanja hemm l-Istrett ta' Gibiltà, li jissepara lil Spanja u l-bqija tal-Ewropa mill-Marokk, fit-Tramuntana tal-Afrika. Il-muntanja Teide li hi għolja 3,718 metru 'l fuq mil-livell tal-baħar hi l-ogħla waħda fi Spanja u l-ogħla quċċata tal-Atlantiku kollu. Hi t-tielet l-ikbar vulkan tad-dinja mill-bażi tagħha.[31]

Barra l-Peniżola Iberika hemm numru ta' żoni Spanjoli oħra: il-Gżejjer Baleariċi fil-Baħar Mediterran, il-Gżejjer Kanarji fil-Grigal, madwar 108 km fix-Xlokk tal-Afrika; hemm ħames artijiet oħra ta' sovranità Spanjola (plazas de soberanía) fuq il-kosta tal-Marokk: Ceuta, Melilla, Islas Chafarinas, Peñón de Alhucemas u Peñón de Vélez de la Gomera.

Veduta tas-Sierra Norte, viċin Madrid.

Hemm ħafna xmajjar imma fihom ħafna kurrenti qawwijin u allura l-użu tagħhom bħala toroq għall-komunikazzjoni hu limitat. Dawn huma x-xmajjar ewlenin: Ebro, Turia, Jucar, Segura, Duero, Tago, Guadiana, u Guadalquivir.

Fi Spanja m'hemmx lagi naturali kbar, però hemm ħafna għadajjar artifiċjali bl-iskop li jiżguraw il-ħtieġa tal-enerġija u tal-ilma. Bl-Ispanjol jissejħu pantanos jew embalses (partikolarment importanti humm l-embalses ta' Alcantara, ta' Torrejón u ta' Valdecañas fuq it-Tago, u dak ta' Mequinenza fuq l-Ebro.

Ix-xatt Atlantiku fil-Pajjiżi Baski, karatterizzat minn veduti ħodor, sikek u riħ qawwi

Barra mill-fruntiera ma' Franza, Andorra, Ġibiltà u l-Portugall, Spanja hi mdawra għalkollox bil-baħar, l-Oċean Atlantiku fit-Tramuntana, il-Majjistral u parti żgħira mil-Lbiċ, kif ukoll il-Baħar Mediterran fil-Lvant, il-Grigal u n-Nofsinhar ta' Ġibiltà. Mal-Peniżola Iberika rridu nżidu wkoll il-Kanarji, kollha kemm huma fl-Atlantiku u l-Baleariċi, li jinstabu kompletament fil-Mediterran.

Minħabba t-tul enormi tax-xtut tagħha u d-diversità tal-pożizzjonijiet tagħhom, Spanja għandha tulijiet ta' kosta li huma differenti ħafna minn xulxin. Il-kosta Atlantika, li l-parti l-iżjed lejn il-Lvant tissejjaħ il-Baħar ta' Cantabria (li hi stess hi parti mill-Golf ta' Biskaja), hi karatterizzata b'bajjiet impressjonanti li jalternaw ma' sikek impressjonanti li ffurmaw bir-riħ oċeaniku qawwi u bix-xita spissa. Fuq kollox fil-parti l-iżjed lejn il-Lvant, il-kosta hi mħarbta u għandha ħafna fliegi u qaliet twal, imsejħin rias, tipiċi tal-Galizja, li jidħlu fi xtut mimlijin sikek li diffiċli li tidħol fihom, fosthom il-famuża Costa de la Muerte.

Xatt fuq il-Mediterran qrib Alicante, b'ramliet twal u użu turistiku intensiv

Il-kosta Mediterranja hi differenti għalkollox, ħafna iżjed ħelwa u inqas imħarbta (ħlief il-golf ta' Valencia u ż-żona tad-delta tal-Ebro u xi promontorji, għalkemm fiha wkoll xi tulijiet imsikkin). Fuq kollox il-klima hi ħafna iżjed moderata u adattata għat-turiżmu tal-għawm. Fuq il-kosta Mediterranja nsibu bosta bliet famużi bħal Barċellona, Valencia u Malaga, barra l-lokalitajiet turistiċi bħal Lloret de Mar u Tarifa. Il-kosta Mediterranja tinqasam ġeografikament f'ħames partijiet: l-iżjed 'il fuq hemm il-Costa Brava, li testendi mill-fruntiera Franċiża sa Barċellona; il-Costa Daurada li testendi mill-belt kapitali Katalana sa ħalq l-Ebro; il-Costa del Azahar sa Dénia (eskluża) li tinkludi l-Golf ta' Valencia kollu; il-Costa Blanca sa Cabo de Gata; u fl-aħħar il-Costa del Sol madwar in-naħa t'isfel kollha ta' Spanja sal-Fliegu ta' Ġibiltà. Il-kosta Mediterranja, minħabba t-turiżmu kbir li fiha, hi inqas preżervata mill-kosta Atlantika u hi magħrufa għal xi abbużi kbar fil-bini.

Il-gżejjer ewlenin huma miġburin f'żewġ arċipelagi: il-Gżejjer Baleariċi u l-Gżejjer Kanarji. Il-Baleariċi qegħdin fil-Mediterran, mhux 'il bogħod mill-komunità ta' Valencia u huma magħmulin minn erba' gżejjer prinċipali, Mallorca, Menorca, Ibiża u Formentera. Il-Kanarji min-naħa l-oħra qegħdin fl-Atlantiku, maġenb in-naħa t'isfel tal-Marokk u 1,000 km 'l bogħod mil-Lbiċ tal-Peniżola Iberika. Ġeografikament jagħmlu parti mill-kontinent Afrikan. Dawn huma Gran Canaria, Lanzarote, Fuerteventura, Tenerife, La Palma, La Gomera u El Hierro. Imbagħad hemm gżejjer żgħar oħra, ħafna iċken, bħall-Gżejjer Cies.

La Graciosa, gżira żgħira mill-arċipelagu tal-Kanarji
Il-klassifikazzjoni klimatika Köppen ta' Spanja

Nistgħu naqsmu Spanja fi tliet żoni klimatiċi prinċipali, skont il-pożizzjoni ġeografika u l-kundizzjonijiet orografiċi:[32][33][34]

  • il-klima Mediterranja, karatterizzata minn sjuf nixfin u sħan. Skont il-Klassifikazzjoni tal-klimi ta' Köppen din hi dominanti fil-peniżola, b'żewġ varijetajiet: Csa u Csb.
  • il-klima steppika (Bsh, Bsk), insibuha fil-parti tal-Lbiċ tal-pajjiż, l-iżjed fir-reġjun ta' Murcia u fil-wied tal-Ebro. Kontra l-klima Mediterranja, l-istaġun niexef idum iżjed mis-sajf.
  • il-klima oċeanika (Cfb), insibuha fin-naħa ta' fuq tal-pajjiż, l-iżjed fir-reġjun tal-Pajjiżi Baski, Asturias, Cantabria u parti mill-Galizja. B'kuntrast mal-klima Mediterranja, it-temperaturi xitwin u sajfin huma influwenzati mill-baħar u m'hemmx dik in-nixfa tas-sajf.

Barra dawn it-tipi prinċipali, nistgħu nsibu wkoll sottotipi oħra, bħall-klima Alpina tal-Pirenej u fis-Sierra Nevada, u klima subtropikali tipika fil-Gżejjer Kanarji.

Il-popolazzjoni hi magħmula fil-part l-kbira minn Spanjoli li jappartienu għal diversi gruppi etniko-lingwistiċi (Kastiljani, Katalani-Valenciani, Galizjani, Baski, eċċ) u minn minoranza ta' barranin, li fil-bidu tal-2008, kienet tirrappreżenta ftit iżjed minn 11% tal-popolazzjoni globali: 5.2 miljuni minn 46 miljun bejn wieħed u ieħor[35]. Il-komunitajiet fejn hemm l-iżjed barranin huma tal-Katalonja, bi 'l fuq minn miljun ruħ, ta' Madrid, b'kważi miljun u ta' Valencia, b'madwar 800,000 ruħ. Hemm għadd kbir ta' immigranti mill-Ewropa tal-Lvant, (l-iżjed Rumeni, li bħalissa jirrappreżentaw il-komunità alloġena l-iżjed numeruża fil-pajjiż), Afrikani ta' Fuq, li ħafna minnhom huma klandestini (impjegati l-iżjed fl-agrikultura ta' Spanja t'Isfel), u Latinoamerikani.

Distribuzzjoni ġeografika tal- popolazzjoni

Id-distribuzzjoni tal-popolazzjoni mhijiex uniformi għax hi kondizjonata mill-forma tat-territorju: fuq il-kosti, matul il-widien tax-xmajjar u fiż-żoni li huma ekonomikament iżjed avvanzati u li fihom żviluppaw l-agrikoltura u l-industrija, id-densità taqbeż it-300 abitant kull km². Min-naħa l-oħra f'ħafna erji tal-meseta, id-densità hi taħt id-29 abitant kull km². Il-popolazzjoni urbana (77 %) dejjem tikber.

Il-popolazzjoni totali ta' Spanja kienet, skont l-istima tas-sena 2010, ta' 45,054,694 abitant, b'densità medja ta' 81 abitant kull km², maqsuma mal-komunitajiet awtonomi li jagħmlu parti mir-renju.

Il-fenomenu tal-urbanizzazzjoni hu reċenti ħafna, u llum 70% tal-Ispanjoli jgħixu fil-bliet li ħafna minnhom żvillupaw b'mod mhux ippjanata u bi problemi, kultant gravi, ta' tniġġiż.

Il-territorju tal-pajjiż hu maqsum f'komunitajiet awtonomi li jgawdu ċerta awtonomija skont l-istorja tagħhom.

Spanja għandha 107 katidrali, li minnhom 74 huma attivi, 14 huma ko-katidral u 18 huma inattivi.

Spanja għandha 22,988 parroċċa u 735 monasteru Kristjan.

Skont studju reċenti magħmul minn Arda[36]:
Insara: 90,14 %.
Anjostiċi: 6,94 %.
Musulmani: 1,57 %.
Atej: 1,10 %.
Lhud: 0,13 %.
Oħrajn: 0,12 %.

Distribuzzjoni tal-lingwi ta' Spanja
     Spanjol/Kastellan, mitkellem fit-territorju kollu      Katalan/Valenzjan      Bask      Galizjan      Asturjan      Aragoniż      Araniż
Mappa li turi l-Evoluzzjoni tal-Lingwi fil-Peniżola Iberika

L-ilsien uffiċjali hu l-Kastiljan jew l-Ispanjol. F'xi komunitajiet awtonomi xi lingwi huma kouffiċjali mal-Kastiljan: il-Katalan/il-lingwa ta' Valencia f'Katalonja, il-Gżejjer Baleariċi u fil-Komunità ta' Valencia: il-Galizjan f'Galizja u l-Bask fil-Pajjiżi Baski u Navarra. L-istat Spanjol u l-amministrazzjonijiet tal-periferija jipproteġu u jinkoraġġixxu l-użu, fil-kuntest lokali, ta' xi lingwi mitkellma li però ma jgawdux l-istatus ta' ko-uffiċjalità bħall-Asturjan, il-Leoniż, id-djalett ta' Estremadura, l-Aragoniż. Fil-wied tal-Aran mal-Kastiljan u l-Katalan, hu rikonoxxut ukoll l-Araniż, tip ta' Gaskon tal-grupp lingwistiku Oċċitan. F'Concepción ħdejn Ġibiltà in n-ies jitkellmu l-Llanito u l-Ingliż bħala t-tielet ilsien.
Fil-bliet awtonomi Afrikani ta' Ceuta u Melilla jitkellmu wkoll l-Għarbi u l-Berberu u parti mill-popolazzjoni titkellem il-Franċiż bħala t-tielet jew ir-raba' lingwa.

Mappa tal-komunitajiet awtonomi

Spanja hi maqsuma f'17-il komunità awtonoma (comunidades autónomas, singular: comunidad autónoma) li jerġgħu jinqasmu f'50 provinċja. Hemm ukoll żewġt ibliet awtonomi: Ceuta u Melilla (iddeżinjati uffiċjalment bħala Plazas de Soberanía en el Norte de África).

Ceuta, Melilla u xi gżejjer ċkejknin huma li baqa' mill-imperu kolonjali vast li kellu l-pajjiż. Il-gżejjer fihom xi 0.65 km² u għandhom 312 abitant. B'kollox Spanja għandha territorji ta' 31.65 km² fl-Afrika ta' Fuq, b'popolazzjoni ta' 138,228 abitant.

Il-ħamsin provinċja attwali ta' Spanja miġbura minn komunitajiet awtonomi.
Mappa muniċipali ta' Spanja

Meta daħlet is-sistema tal-komunitajiet awtonomi, il-poter tal-provinċji naqas. Għadhom jintużaw bħala distretti elettorali, għall-kodiċi postali u bħala riferimenti ġeografiċi.

Hemm sitt komunitajiet awtonomi li huma magħmulin minn provinċja waħda biss: Asturias, il-Gżejjer Baleariċi, Cantabria, La Rioja, Madrid, Murcia, u Navarra.

Il-provinċji jerġgħu jinqasmu f'muniċipji (bl-Ispanjol municipio). Bħala l-kap tal-muniċipju hemm l-alcalde jew is-sindku.

Il-muntanja Teide fuq il-gżira ta' Tenerife
Palma de Mallorca, il-Gżejjer Baleariċi
  • 1. Tenerife 886,033 ab.; il-Gżejjer Kanarji
  • 2. Mallorca 846,210 ab., il-Gżejjer Baleariċi
  • 3. Gran Canaria 829,597 ab.
  • 4. Lanzarote 132,366 ab.
  • 5. Ibiza 113,908 ab.
  • 6. Fuerteventura 94,386 ab.
  • 7. Menorca 86,697 ab.
  • 8. La Palma 85,933 ab.
  • 9. La Gomera 22,259 ab.
  • 10. El Hierro 10,558 ab.
  • 11. Formentera 7,957 ab.
  • 12. Arosa 4,889 ab.
  • 13. La Graciosa 658 ab.
  • 14. Tabarca 105 ab.
  • 15. Ons 61 ab.
Esportazzjoni Spanjola fl-2006
Kwartieri ġenerali tal-Ministeru tal-Affarijiet Ekonomiċi

L-ekonomija Spanjola reġgħet daħlet fost l-ekonomiji avvanzati tal-Punent tal-Ewropa. B'mod partikolari, fl-għaxar snin bejn l-1998 u l-2008, l-ekonomija Iberika kienet fost l-iżjed dinamiċi fiż-żona tal-ewro.[41] Is-soċjetà u l-ekonomija Spanjola għaddew minn perjodu qawwi ta' bidla u tkabbir matul l-aħħar għoxrin sena tas-seklu 20. Wara li ħareġ mill-iżolament politiku u ekonomiku impost mid-dittatura faxxista, il-pajjiż infetaħ għall-kummerċ internazzjonali u ssieħeb fl-UE fl-1986. L-ekonomija gawdiet ukoll mit-twelid ta' kumpaniji industrijali ġodda u mid-dħul ta' kapital barrani li sfrutta l-pagi baxxi biex jibdew inizjattivi industrijali u kummerċjali. Żdiedu wkoll il-mezzi ġodda ta' komunikazzjoni li għenu biex jiżdied il-qligħ tas-sistema produttiva. Is-settur terzjarju hu l-ikbar wieħed: it-turiżmu u l-agrikoltura (l-għeneb u ċ-ċitru) huma żviluppati ħafna. Madankollu, mill-bidu tal-kriżi finanzjarja kbira li bdiet fl-2008 u l-kriżi tas-sistema bankarja li ġegħlet il-gvern Spanjol jitlob l-għajnuna mill-Bank Ċentrali Ewropew f'Ġunju 2012 minħabba li sfaxxa d-dħul mill-bejgħ tal-bini, l-ekonomija Spanjola daħlet fi kriżi profonda. Il-livell tal-qagħad qabeż il-25 % u l-klassifikazzjoni tad-dejn sovran li kienet tripla A tniżżlet (mill-aġenzija Moody’s) għal BAA3 b'prospett negattiv fl-14 ta' Ġunju 2012. Ir-rata tal-imgħax tas-self tal-gvern għal għaxar snin telgħet għal 7 % fis-sena.

Bajja ta' Riazor fl-La Coruña

Matul l-aħħar erbgħin sena l-industrija tat-turiżmu Spanjola kibret ħafna tant li saret it-tieni l-ikbar waħda fid-dinja, b'valur smat ta' 40 biljun ewro fl-2006, u tagħmel madwar 5 % tal-PDG.[42][43] Il-klima ta' Spanja, il-monumenti storiċi u kulturali, il-pożizzjoni ġeografika tagħha, flimkien ma' infrastruttura moderna, jikkontribwixxu biex jagħmluha waħda mid-destinazzjonijiet l-iżjed imfittxa.

Planta Solar 10, ħdejn Sivilja
Ġibjun ta' Los Peares
Ġibjun ta' Velle

Spanja hi wieħed mill-pajjiżi ta' quddiem fil-livell mondjali fl-iżvilupp tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli. Fl-2010 Spanja saret l-aqwa fid-dinja fil-produzzjoni tal-enerġija solari, aqwa mill-Istati Uniti b'impjant enormi, ħdejn Alvarado, Badajoz.[44][45] Spanja hi wkoll il-produttur Ewropej ewlieni tal-enerġija mir-riħ. Fl-2010 it-turbini tagħha pproduċew 42,976 GWh, 16.4% tal-enerġija totali prodotta fi Spanja.[46][47][48] Fid-9 ta' Novembru 2010, l-enerġija mir-riħ kellha waqt storiku meta laħqet 53% tad-domanda tal-enerġija elettrika tat-terraferma[49] u ġġenerat kwantità ta' enerġija ekwivalenti għal 14-il reattur nukleari.[50] L-enerġiji rinnovabbli l-oħra użati fi Spanaj huma l-idroelettriku, il-bijomases u l-enerġija tal-baħar (qed jinbnew 2 impjanti).[51]

Is-sorsi mhux rinnovabbli ta' enerġija użati fi Spanja huma in-nukleari (8 reatturi operattivi), il-gass, il-faħam u ż-żejt.

Ferrovija AVE fuq il-linja Madrid-Barċellona.
Port Niexef ta' Coslada, Komunità ta' Madrid

Is-sistema tat-toroq ewlenin hi ta' tip ċentralizzat, b'sitt awtostradi li jgħaqqdu lil Madrid mal-Pajjiżi Baski, ma' Katalonja, ma' Valencia, ma' Andalusija tal-punent, ma' Estremadura u ma' Galizja. Barra minn dawn, hemm toroq ewlenin oħra mal-kosta tal-Atlantiku (minn Ferrol sa Vigo), f'Cantabria (minn Oviedo sa San Sebastián) u mal-kosta tal-Mediterran (minn Girona sa Cadiz).

Ix-xibka tal-ferrovija ta' veloċità għolja li għandha Spanja hi l-iżjed mifruxa fl-Ewropa u t-tieni l-iżjed mifruxa fid-dinja wara ċ-Ċina.[52][53]F'Ottobru tal-2010 Spanja kellha total ta' 3,500 km ta' linji ta' veloċità għolja li jgħaqqdu Malaga, Sivilja, Madrid, Barċellona, ​​Valencia u Valladolid, b'treni li jilħqu veloċità ta' 300 km/h. F'dak li jirrigwarda l-puntwalità, hi t-tieni fid-dinja (98.54 % jaslu fil-ħin) wara x-Shinkansen tal-Ġappun (99 %).[54] Jekk l-objettivi tal-programm ambizzjuż ta' Alta Velocidad Española jintlaħqu, sal-2020 Spanja jkollha 7,000 km ta' linji ferrovjarji b'veloċità għolja li jgħaqqdu kwazi l-bliet kollha ma' Madrid f'inqas minn tliet sigħat u ma' Barċellona f'inqas minn erba' sigħat.

Fi Spanja hemm 47 ajruport pubbliku. L-iżjed traffikuż minnhom hu l-ajruport ta' Madrid-Barajas, b'50.8 miljun passiġġier fl-2008. L-ajruport ta' Barċellona (El Prat) b'30 miljun passiġġier fl-2008 hu importanti wkoll. Hemm ajruporti kbar oħra f'Gran Canaria, Malaga, Valencia, Sivilja, Mallorca, Alicante u Bilbao.